‘Meta tawna l-aħbar dwar ibni ħassejt id-dinja se taqa’ fuqi’

Sven kellu tumur b’moħħu. Ta’ età żgħira kellu jibbattalja kontra waħda mill-akbar sfidi. Iżda bdiet tiela’ x-xemx, grazzi għal dawk ta’ madwaru u għal Puttinu

Sven ma’ ommu Sharon, intervistati mill-gazzetta ILLUM
Sven ma’ ommu Sharon, intervistati mill-gazzetta ILLUM

Li familja tilqgħek ġewwa darha diġà hija xi ħaġa sabiħa ħafna, li malli tidħol issib familja li għandha tbissima fuq fommha minkejja kollox, minkejja kull tbatija u dulur, hija terġa’ u tgħid xi ħaġa isbaħ.

Nidħol id-dar ta’ Sharon u Sven f’Birżebbuġa u hemmhekk mill-ewwel jilqgħuni numru ta’ ritratti, tal-membri kollha tal-familja u żerbinott bilqiegħda b’għajnejh iffissati lejn il-bieb jistenniena telgħin.

Qabel nibdew Sven, tifel fuq ruħu mimli ħajja, jibda jispjega x’beħsiebu jagħżel bħala suġġett illi fuqu jkompli jistudja u jgħidli ‘nixtieq insir avukat’. Mhux għan faċli, imma wara li tkellimna dwar dak kollu li għadda minnu f’età daqstant żgħira, m’għandix dubju li jekk avukat irid isir Sven, avukat se jsir.

Jgħidli kif huwa tajjeb fin-numri u anke fix-xjenzi...

Inpoġġu bilqiegħda fuq is-sufan u nibdew l-intervista bl-atmosefera issa tinbidel hekk kif id-daħq u it-tbissim tal-bidu jibda jisfuma xi ftit u  nibdew nitkellmu dwar dak li għaddew minnu Sven u l-familja tiegħu.

Sven biddel l-attitudni minn lejl għal nhar

Nibda minn Sharon l-ewwel. Nistaqsiha biex teħodni lura għall-mument illi bdiet l-istorja ta’ Sven hekk kif instab li kellu tumur f’moħħu, magħruf aħjar bħala Craniopharyngioma.

It-traġitt beda sentejn ilu, tispjega Sharon, bl-ewwel indikazzjonijiet li xi ħaġa mhux f’postha fil-fatt jibdew ma’ ħmistax qabel l-appuntament li biddel id-destin.

L-attitudni ta’ Sven inbidlet u filli qatt ma kien ta’ sfida jew qala’ inkwiet u filli f’daqqa waħda kienu qed imorru l-iskola kuljum minħabba l-attitudni ta’ Sven fl-iskola.

It-tfajjel jispjega b’ħeġġa illi kien iħoss li hu kien qed jagħmel kollox normali. Qatt ma nduna li b’xi mod qiegħed jagħmel affarijiet li kienu lil hinn mill-atteġġjament u mġieba normali tiegħu

“Jiena kont naħseb, li kollox normali. Qatt ma ndunajt li qed naġixxi b’mod differenti.”

Ommu Sharon taqbel u tkompli miegħu, tgħid illi Sven ma kienx ikun jaf x’inhu jiġri. 

Staqsejt li Sven kif irreaġixxa meta sar jaf illi minkejja li għadu żgħir kellu jiffaċċja problema daqstant kbira. Kif bidlitu din? Kif għamlitu persuna differenti?

“Fil-verità, meta qaluli li kelli tumur kważi, kważi lanqas irrealizzajt eżatt. Lanqas kont naf li qed ngħix dak il-ħin,” ikompli jisħaq Sven mal-ILLUM.

U kif ħassu Sven malli sar jaf li kellu tumur? “L-ewwel nett nixtieq niskuża ruħi ma’ dawk li forsi għajjart jew lil dawk li għidtilhom kliem mhux xieraq. Lil ommi kont nirrispondiha u xi kont niġġieled ħafna ma’ ħija, mhux għax m’għadnix ta’,” jgħid it-tfajjel b’nofs daħqa. “Imma qabel, għal kull ħaġa ta’ xejn kont niġġieled miegħu. Nixtieq inferraħ lil dawk kollha li bkew u batew minħabba li kont l-isptar,” jgħid Sven, b’ommu tħares lejh b’dik il-ħarsa partikolari ta’ għożża ta’ omm.

Minn Malta għall-Ġermanja

Imbagħad jibda jispjega eżatt, b’dettall kliniku, il-proċess li għadda minnu.

“Għamilt tliet operazzjonijiet, tnejn hawn Malta u waħda fir-Renju Unit. Hawn Malta għamluli pajp biex ineħħu l-ilma, imbagħad fit-tieni operazzjoni għamlu bħal pont bejn naħa u oħra ta’ moħħi biex ikun jista’ joħroġ l-ilma li trabbieli. Imbagħad għamluli wkoll apparat biex l-ilma jmur fih.”

Sven, li jidher illi ġie infurmat u kien jaf kull dettall tal-proċess kollu u li jitkellem dwaru daqslikieku qed jitkellem dwar l-aktar ħaġa normali, kompla jispjega kif kieku ma seħħx dan il-proċess kollu ma kienx ikun jista’ jsiefer biex jieħu l-kura, minħabba l-pressjoni tal-ilma.

Sven, flimkien mal-familja, imbagħad mar il-Ġermanja fejn ingħata trattament biex t-tumur ma jibqax daqstant aggressiv.

Sharon tgħid lil din il-gazzetta illi wara t-trattament fil-Ġermanja, it-tobba qalulhom li kollox sew għalkemm se jibqa’ jsir moniteraġġ. “S’issa imma r-riżultati juru illi kollox sew, s’issa r-riżultati huma pożittivi,” tgħid Sharon b’dik in-nofs tbissima, sinjal ta’ tama illi l-ħażin u l-uġigħ issa għadda.

Hi tispjega fid-dettall il-mumenti illi fihom t-tobba infurmaw lilha u lil żewġha, illi Sven għandu tumur. “Meta tawna l-aħbar, dak il-ħin ma stajt nimmaġina xejn aktar, qisni lanqas kont qed neżisti,” tgħid l-omm issa viżibilment imnikkta. “Tħoss id-dinja se taqa’ fuqek.”

“Malli qalulna li se noperawh barra mill-pajjiż, morna għand Puttinu u minn hemmhekk vera sibna tant għajnuna,” tgħid Sharon.

U x’inhi l-aktar ħaġa li Sven se jibqa’ jiftakar l-aktar?

Huwa jispjega kif minkejja kollox hu ‘gawda’ wkoll minn dan il-perjodu. “Kien perjodu li gawdejt minnu. Waqt li kont qiegħed il-Ġermanja sħabi tal-iskola kienu jibagħtuli l-homework kuljum. Malli nżilna lura Malta għamilt l-eżamijiet u vera mort tajjeb,” spejga b’ċertu kburija Sven.

Il-messaġġ ta’ Sven huwa ċar; “Taqtgħux qalbkom. Ibqgħu b’saħħitkom. Iktar kemm xi ħadd itik appoġġ, iktar aħjar. Meta tfieq tkun kburi li fieqt speċjalment grazzi għal dawk li tawk tant appoġġ.”

U xi jfisser Puttinu għal Sven?

“Puttinu għamel ħafna u ħafna differenza. Tawna għajnuna kbira. Puttinu għalina saru qishom it-tieni familja tagħna.”

U lil min l-aktar li jixtieq grazzi, Sven? “L-akbar grazzi nixtieq nagħtiha lill-Puttinu għax qed jgħinu tant tfal biex ifiequ.”

Sharon ukoll tirringrazzja lill-Puttinu li illum saru parti mill-familja ta’ Sharon u Sven.

Nitilqu mid-dar ta’ Sven u ommu Sharon, għalkemm xi ftit emozzjonati minħabba r-realtajiet li għaddiet minnhom din il-familja, xorta impressjonati b’kemm familja li għaddiet minn daqstant problemi tista’ xorta ssib is-saħħa li tkun pożittiva u magħquda.

Imma apparti l-għaqda fil-familja, il-ġenituri ta’ Sven, ħu Sven u Sven innifsu ma kinux jaffaċċjaw l-isfidi b’daqshekk kuraġġ daqs kemm fil-fatt iffaċċjaw kieku ma kienx hemm Puttinu qed jgħin. 

Minkejja li għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira u n-nies diġà taw id-donazzjoni tagħhom Puttinu jibqa’ hemm u jibqa’ l-bżonn tal-għajnuna lil dawk kollha li tant jeħtiġuha.

Tinsewx, li lbieraħ kien Sven u għada tista’ tkun int.

More in Socjali