Fastidju sesswali | 35% tal-vittmi jibqgħu siekta

Ġiet organizzata konferenza mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE)

Huwa stmat li bejn 83 u 102 miljun mara fl-Ewropa sofrew minn fastidju sesswali mill-età ta’ 15-il sena. Minkejja dan, huma biss ftit il-każijiet ta’ fastidju sesswali li jiġu rrapurtati, waqt li 35% tal-vittmi ma jgħidu lil ħadd dwar l-esperjenza li għaddew minnha.

Dan ħareġ matul konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara. It-tema magħżula kienet: Il-Fastidju Sesswali: Fil-Post tax-Xogħol u Fil-Kuntest Soċjali.

Fl-introduzzjoni tal-konferenza, il-Kummissarju tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera, saħqet li għalkemm Malta huwa pajjiż żgħir, hawn ħafna nisa li jsofru minn vjolenza fis-skiet.

Saħqet li kulħadd, minn oqsma differenti tal-ħajja u tax-xogħol, għandu jieħu azzjoni ħalli l-ugwaljanza tkun tista’ ssir realtà u jinkiser iċ-ċiklu ta’ poter u kontroll ta’ min jikkommetti din il-vjolenza.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, Helena Dalli, saħqet dwar il-bżonn ta’ iżjed informazzjoni dwar il-fastidju sesswali fi sferi differenti.

Irreferit għal studju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), li juri kif f’Malta l-fastidju sesswali huwa mifrux b’ħafna każijiet ma jiġux irrappurtati.

Hija tkellmet dwar I-impenn u x-xogħol tal-Gvern biex jikkumbatti l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u fakkret li l-fastidju sesswali li f’Malta huwa meqjus bħala reat kriminali.

Kompliet tispjega wkoll kif dan l-aħħar il-Gvern nieda pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali u għall-prosekuzzjoni ta’ min jikkommetti vjolenza fuq in-nisa.

Matul il-konferenza ntwerew filmati qosra li taw ħarsa ġenerali lejn l-esperjenzi ta’ vittmi tal-fastidju sesswali.

Tkellmet ukoll Dr Lara Dimitrije dwar il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, inkluż id-drittijiet u r-responsabbiltajiet li joħorġu mil-liġi u saret preżentazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-fastidju sesswali fl-isferi soċjali u l-poter minn Dr Marceline Naudi.

More in Socjali