Mass Meeting Fuq il-Fosos…imma jiflaħhom dawk in-nies kollha?

L-Illum.com.mt kiseb il-konklużjonijiet ta’ studju li sar riċentament u li jiddetermina safe load capacity tal-Fosos tal-Furjana.

Il-Fosos tal-Furjana ma għadhomx jintużaw għall-ħażna tal-qamħ imma żgur li jaħżnu fihom memorji u ġrajjiet li wħud minnhom kitbu l-istorja tal-poplu.

Fil-fatt, il-Fosos tal-Furjana għadhom sal-lum jospitaw l-akbar attivitajiet tal-massa, kemm jekk dawk ta’ divertiment bħall-Isle of MTV u l-kunċert tat-Tenur Joseph Calleja, l-akbar attivitajiet politiċi u anke dawk reliġjużi, bl-aħħar waħda riċenti tkun iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fl-2010.

Iżda wieħed ma jridx jinsa li jesgħu kemm jesgħu nies, il-Fosos tal-Furjana jibqgħu mħażen ta’ taħt l-art u għaldaqstant partijiet minn din il-pjazza enormi huma vojta.

L-Illum.com.mt kiseb il-konklużjonijiet ta’ studju li sar riċentament u li jiddetermina safe load capacity tal-Fosos tal-Furjana.

Dan l-istudju sar mid-Dipartiment għall-Infrastruttura u x-Xogħol wara talbiet li saru fl-2012 u fl-2015 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Fuq parir tal-inġiniera, id-Dipartiment kien ikkonkluda li fuq il-Fosos tal-Furjana jistgħu jiġu ċċertifikati safe loads ta’ 500 kilo kull metru kwadru.

Minkejja dan, ir-rapport jisħaq li f’każijiet ta’ point jew heavy localized loads  (jiġifieri punt li se jkun qed jassorbi fuqu l-akbar ammont ta’ piż) huwa aktar diffiċli biex wieħed jasal għal ċifra.

Kien għalhekk li r-rapport huwa tal-fehma li kull min jorganizza xi attività fuq il-Fosos, għandu jqabbad perit biex jiċċertifika li l-armar jew inkella l-vetturi li jintużaw fl-attivitajiet ikunu jistgħu jidħlu fil-pjazza.

F’każijiet bħal dan, il-parir tal-periti huwa importanti minħabba l-fatt li dawn ikunu jafu fejn huma l-fosos, jiġifieri l-partijiet il-vojta u l-partijiet oħra solidi tal-Fosos tal-Furjana.

Fil-fatt, ir-rapport isemmi kif ħafna drabi, il-piż ta’ struttura jew inkella vettura li tkun fuq il-Fosos tal-Furjana, jitqassam fuq il-partijiet is-solidi bl-użu ta’ spreader beams. Jisħaq li mingħajr superviżjoni, il-piż jista’ jitpoġġa u jkun qed jagħfas fuq dawk il-partijiet li jkunu vojta u li allura jifilħu inqas.

Ir-rapport jikkonkludi li ċertifikazzjoni u superviżjoni ta’ perit huma importanti “biex ikun assigurat li ma ssir l-ebda ħsara strutturali jew fiżika.”

Imma l-Fosos tal-Furjana tal-Kavallieri jew l-Ingliżi?

Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, il-Fosos tal-Furjana ma nbnewx mill-Kavallieri ta’ San Ġwann iżda kienu wieħed mill-ewwel proġetti tal-Ingliżi u saru fuq xewqa tal-Gvernatur Richard More O’Farrell, fis-seklu 19.

Iżda dan ma jfissirx li l-Kavallieri ma kinux ħasbu għall-ħażna tal-ilma u l-qamħ. L-istoriku Mario Coleiro saħaq li wieħed mill-fatturi prinċipali li kellha bżonn belt fortifikata, kien il-ħażna tal-ilma u l-ikel u l-Kavallieri ma qagħdux lura minn dan.

Apparti l-bjar, li kull dar fil-Belt kienet obbligata li jkollha, inbnew imħażen għall-ħażna tal-qamħ li minnu jsir id-dqiq u eventwalment il-ħobż.

Fil-fatt, fil-Belt Valletta, kienu tħaffru fosos biswit il-Forti ta’ Sant Jiermu, li għadhom jidhru sal-lum u fosos oħra fil-pjazza ta’ quddiem Kastilja.

Mario Coleiro kompla jispjega ma’ din il-gazzetta li meta fi żmien il-Gran Mastru De Paule kien tqabbad l-inġinier Pietro Paolo Floriani biex jibni swar madwar l-art li kienet tinstab quddiem id-daħla tal-Belt, ftit li xejn kien hemm l-intenzjoni li din l-art tinbidel f’żona residenzjali.

Din l-idea kienet tal-Gran Mastru Vilhena madwar 100 sena wara u ħabbrek biex fuq din l-art jinbena subborg li kellu jissemma Borgo Vilhena. Iżda n-nies qatt ma sejħitlu hekk u baqgħet tirreferi għal dan il-post bil-kunjom tal-arkitett li bena s-swar.

Fil-Furjana, il-Kavallieri kienu bnew numru ta’ fosos fejn illum insibu mibni l-Istitut Kattoliku u Montgomery House. Minn dawn illum għadhom jidhru ħdax-il fossa fil-wesgħa li fiha hemm il-monument tal-Gran Mastru Vilhena.

Fil-fatt, il-fosos l-aktar magħrufa, dawk ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Publju, inbnew snin wara u f’din il-pjazza enormi wieħed isib 76 fossa, li bejniethom jesgħu mal-5,000 tunnellata qamħ. Il-fosos baqgħu jintużaw għal ħafna snin u fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu importanti ħafna għall-ħażna tal-qamħ.

Mistoqsi x’jaħseb dwar l-attivitajiet tal-massa fuq il-Fosos, l-istoriku Coleiro qal li sakemm jittieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha, din il-pjazza enormi tibqa’ ideali għal dawn l-avvenimenti. Fakkar li l-intenzjoni oriġinali ta’ din il-wesgħa kienet li tkun pjazza kbira.

Kieku l-Fosos jirrakkuntaw…

Il-Fosos minn dejjem kienu popolari mal-attivitajiet tal-massa. Dawn huma wħud mill-avvenimenti li ħanqu din il-pjazza:

  • 1896 - Protesta kbira kontra ż-żwieġ bejn Kattoliċi u Protestanti
  • 1913 - Il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali
  • 1916 - Manifestazzjoni kontra l-Kaiser, l-Imperatur tal-Ġermanja
  • 1939 - Kungress Djoċesan li attira eluf ta’ nies
  • 1954 - Żjara tar-Reġina Eliżabetta II
  • 1951 - 700 sena tal-Labtu tal-Karmnu - Il-Fosos jilqgħu l-vara tal-Madonna tal-Karmnu
  • 1960 - Iċ-Ċentinaru Pawlin. Il-Fosos jilqgħu l-vari ta’ San Pawl u San Publju
  • 1963 - L-Inkurunazzjoni tal-Istatwa ta’ San Ġużepp ix-Xiħ tar-Rabat
  • 1960s - Meetings politiċi fi żmien l-inwkiet politiku bejn il-Partit Laburista u l-Knisja
  • 1990 u 2001 - Żjarat tal-Papa San Ġwanni Pawlu II u l-Beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, Nazju Falzon u Adeodata Micallef
  • 2010 - Żjara tal-Papa Benedittu XVI

Fuq dawn il-fosos kantaw ukoll fost l-akbar kantanti internazzjonali.

Apparti l-kunċert annwali tat-Tenur Joseph Calleja, l-Isle of MTV ġab fuq il-Fosos kantanti bħal Lady Gaga, Black Eyed Peas, Akon, Maroon 5, One Republic, David Guetta u Snoop Dogg.

More in Socjali