Il-Papa jaħtar lil Monsinjur Alfred Xuereb bħala Nunzju Appostoliku tal-Korea ta' Isfel

Monsinjur Xuereb serva bħala Assistent Segretarju tal-Papa Benedittu XVI u anke bħala Segretarju tal-Papa Franġisku fl-ewwel xhur tal-Pontifikat tiegħu

Dalgħodu tħabbret uffiċjalment l-aħbar li l-Papa Franġisku ħatar lil Monsinjur Alfred Xuereb bħala Nunzju Appostoliku tal-Korea ta’ Isfel.

Monsinjur Xuereb, li huwa saċerdot Għawdxi, ilu għal diversi snin jaqdi l-missjoni tiegħu fil-Vatikan u fost oħrajn, serva bħala Assistent Segretarju tal-Papa Benedittu XVI u anke bħala Segretarju tal-Papa Franġisku fl-ewwel xhur tal-Pontifikat tiegħu.

Sal-lum, Monsinjur Xuereb huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Segretarjat tal-Ekonomija tal-Vatikan.

Se jkun il-Papa Franġisku li jikkonsagrah Isqof, waqt ċelebrazzjoni fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu fil-5pm.

L-Isqof Mario Grech qal li din hija aħbar ta' ferħ għad-Djoċesi ta' Għawdex u għall-pajjiż. Qal li l-Papa Franġisku qed jafda mandat speċjali lill-Arċisqof-elett waqt li fakkar kemm Monsinjur Xuereb kellu u għad għandu għal qalbu l-appostolat vokazzjonali.

Fl-ewwel kumment tiegħu wara din il-ħatra, Mons. Xuereb qal li: “Il-Papa Franġisku hu attent ħafna biex jibni pontijiet f’dik il-parti partikulari tal-Asja, u jiena nħossni onorat ħafna bl-istima kbira tiegħu." 

Il-motto magħżul mill-Arċisqof il-ġdid bħala parti mill-arma tiegħu hu “Ut unum sint”, it-talba ta’ Kristu għall-għaqda bejn l-Insara: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda.”

More in Socjali