L-Arċisqof jitlaq lejn New York u ċ-Ċilì

L-Arċisqof jasal lura Malta fil-25 ta' Frar

L-Arċisqof Charles Scicluna llum se jħalli Malta biex jibda l-missjoni li afdalu l-Papa Franġisku.

Jiem ilu sar magħruf li l-Papa ħatar lill-Monsinjur Scicluna biex jisma' lil dawk li wrew ix-xewqa li jagħtu informazzjoni dwar l-Isqof ta' Osorno, fiċ-Ċilì, Juan de la Cruz Barros Madrid.

Ħafna fiċ-Ċilì kienu ħaduha kontra l-Papa Franġisku meta ħatar lil dan l-Isqof għax ħafna jemmnu li baqa' sieket quddiem każijiet ta' abbużi fuq minorenni.

L-Arċisqof se jkun qed jibda l-missjoni tiegħu fi New York fejn se jkun qed jisma l-ewwel xhieda. L-Associated Press kienet qalet li vittma ta' abbuż sesswali, fl-2015, kien bagħat ittra lill-Papa Franġisku dwar dan l-Isqof. Dan l-allegat vittma bħalissa qed jgħix l-Amerka.

Minn hemm, l-Arċisqof Scicluna se jkompli jisma xhieda fiċ-Ċilì.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta' Malta spjegat li l-Arċisqof jasal lura Malta fil-25 ta' Frar. Matul dan il-perjodu mhux se jkun f'pożizzjoni li jagħti kummenti jew iwieġeb mistoqsijiet.

Fl-assenza ta' Monsinjur Scicluna, l-Arċidjoċesi se tkun f'idejn il-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi.

 

More in Socjali