20 liċenzja ġdida tas-sewqan kuljum u 5,756 ma jgħaddux mit-test fl-2017

...u kemm tiswik bħalissa biex iġġib il-liċenzja tas-sewqan? 

Hi kważi awtomatika li mal-għeluq tat-18-il sena, iż-żgħażagħ jibdew il-proċess sabiex jiksbu l-liċenzja tas-sewqan. Minkejja dan, skont ċifri li għandha f’idejha l-ILLUM, jidher li dan it-test mhuwiex daqshekk faċli daqs kemm wieħed jimmaġina.

Dan hekk kif fl-2017 saru 13,550 test u minn dawn fallew 5,756 persuna. Dan ifisser li 42% ta’ dawk kollha li għamlu test m’għaddewx.

Min-naħa l-oħra iżda, kienu 7,794 persuna li għaddew. Dan ifisser li r-rata ta’ suċċess għall-applikanti tat-test tas-sewqan hi dik ta’ 58%. Meta mqabbla mal-istess figuri tas-sena 2016, ir-rata ta’ suċċess żdiedet b’ 4% jew inkella 318-il persuna aktar irnexxielhom jgħaddu minn dan it-test. Fl-2016 saru 13,876 test tas-sewqan u minn dawn għaddew 7,476 persuna.

L-ILLUM, kisbet din l-informazzjoni mingħand Transport Malta (TM) l-entità responsabbli mit-testijiet tal-karozzi kif ukoll il-ħruġ ta’ liċenzji ġodda. Jekk tqis in-numru ta’ kemm għaddew nies mit-test tal-karozza, tul is-sena li għaddiet jirriżulta li, TM ħarġet mal-20 liċenzja kuljum li tista’ tfisser ukoll mal-20 karozza oħra kuljum fit-toroq Maltin.

Il-liċenzja tas-sewqan taf tiswik €1,000…

Sabiex is-sewwieqa prospettivi jiksbu l-liċenzja tal-karozza, jeħtieġ li l-ewwel nett iħallsu €23.25 lil Transport Malta biex jiksbu l-permess tat-tagħlim.  B’dan il-permess student ikun jista’ jibda jipprattika s-sewqan fit-triq taħt il-gwida tal-għalliem tas-sewqan. Effettivament, skont il-lista uffiċjali li tinsab fuq is-sit ta’ TM, f’Malta jeżistu mat-93 skola tas-sewqan.

L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ diversi skejjel li joffru dan is-servizz u skont il-prezzijiet kwotati, il-prezz medju ta’ lezzjoni ta’ siegħa jvarja bejn €13 u € 20.

Apparti minn hekk, qabel student ikun jista’ jagħmel it-test prattiku tas-sewqan irid l-ewwel jagħmel it-test tat-teorija li jiswa €30. Dan it-test jiġbor fih mistoqsijiet dwar ir-regolamenti u s-sinjali tat-traffiku. Hawnhekk student irid iwieġeb 30 mistqosija minn 35 mistoqsija b’mod tajjeb biex jgħaddi.

L-għalliem tas-sewqan jiddeċiedi meta titla’ għat-test...

Wara dan l-istadju, student finalment ikun jista’ japplika għat-test prattiku tas-sewqan, jiġifieri dak li jsir fit-triq. Attwalment dan jiswa €23.25, però l-iskejjel tas-sewqan jitolbu bejn €70 u €80 biex japplikaw għat-test tas-sewqan.

Barra minn hekk, huwa l-għalliem tas-sewqan li jiddeċiedi meta hu l-ħin opportun sabiex student ipoġġi għall-eżami tas-sewqan. M’hemm l-ebda limitu fuq kemm-il darba persuna titla' għat-test tas-sewqan.

L-ILLUM staqsiet ukoll dwar il-medja ta’ perjodu ta’ stennija biex student jerġa' jitla’ għat-test wara li jkun falla. Skont kelliema ta’ TM, dan il-proċess jieħu bejn ġimagħtejn u tliet ġimgħat.

Madankollu nies li qed jitgħallmu l-karozza bħalissa u li diġà telgħu għat-test sostnew ma’ din il-gazzetta li “normalment dan il-proċess jieħu bejn erba’ u sitt ġimgħat u jista’ jkun itwal meta jkun hemm domanda kbira.”

Diversi nies li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li hi normali li student jagħmel minn tal-anqas sena jitħarreġ fis-sewqan tal-karozza. Għalhekk jekk tgħaqqad il-miżati kollha f’daqqa, liċenzja tas-sewqan taf faċilment tiswik mal-€1,000.

Fil-frattemp, in-numru ta’ nies li jagħmlu test tas-sewqan jaf jiżdied fil-futur. Dan għaliex, is-sena l-oħra il-gvern impona sistema ta’ punti fuq is-sewwieqa kollha.

Skont is-sistema preżenti jekk sewwieq jitnaqqsulu aktar minn 12-il punt f’sena dan jitlef il-liċenzja. Filwaqt li dawk li jitilfu l-liċenzja għat-tieni darba f’perjodu ta’ tliet snin iridu jerġgħu jagħmlu t-test tas-sewqan.

Kemm tiswik biex titgħallem il-karozza?

Permess tat-tagħlim- €23.25 + Lezzjoni kull ġimgħa bil-prezz ta’ €16.50 = €858 Test tat-teorija - €30 Test tal-prattika- €80 = Total €991*

* Dawn il-figuri jistgħu jvarjaw skont l-iskola u l-abbilità tal-istudent

More in Socjali