Diċembru xemxi u xott jagħlaq sena li bdiet b'kesħa kbira

it-temp matul l-2017; minn kesħa, għal sħana kbira u Diċembru xott

It-tempertura se tkun ta' 18-il grad fl-ewwel jum tas-sena
It-tempertura se tkun ta' 18-il grad fl-ewwel jum tas-sena

Diċembru beda fuq nota griża, hekk kif fl-ewwel jum tax-xahar ma ħarġitx xemx, iżda sar aktar imdawwal hekk kif bdew għaddejjin il-ġranet, bis-sitt, is-seba’ u t-tnax-il jum tax-xahar igawdu minn massimu ta’ 9.2 sigħat ta’ xemx kull wieħed. Finalment, ix-xahar qabeż in-norma klimatika ta’ 156.3 sigħat ta’ xemx b’36.9 sigħat, u b’hekk is-sena ġiet fi tmiemha fuq nota aktar xemxija milli mistenni. 
 Ħarsa lejn l-2017 turi li filwaqt li Novembru kien l-aktar xahar mudlam, Lulju kien l-aktar wieħed imdawwal u, fil-fatt, matulu l-gżejjer gawdew minn ftit aktar minn 365 siegħa ta’ xemx. Il-jiem xemxin, u prattikament bla sħab, ta’ Lulju rreġistraw temperaturi tal-arja pjuttost għoljin, bl-ogħla temperatura massima tilħaq it-38.7°C fit-13 tax-xahar. B’medja ta’ 56%, il-livell tal-umdità ta’ Lulju kien l-aktar wieħed baxx għall-2017; sena li tniżżlet fir-rekords meteoroloġiċi bħala l-inqas waħda umduża mill-1951. 
 Jannar, min-naħa l-oħra, ġab miegħu temp kiesaħ, fejn it-temperatura waqgħet għall-minimu l-aktar baxx tas-sena ta’ 4.2°C fi tliet ġranet differenti. Minkejja li l-2017 bdiet fuq din in-nota pjuttost kiesħa, b’mod ġenerali, is-sena kienet kemxejn aktar sħuna min-norma klimatika, u żammet temperatura medja tal-arja ta’ 19.2°C. It-temperatura medja tal-baħar varjat bejn is-27.3°C ta’ Awwissu u l-15.3°C ta’ Frar. 
 Id-data meteoroloġika turi li s-sena kellha 24 jum bir-ragħad, minn liema sitta ġew osservati f’Jannar, kif ukoll żewġ istanzi ta’ silġ, bl-ewwel istanza tiġi rrappurtata f’Jannar u t-tieni waħda tiġi rrappurtata fit-18 ta’ Diċembru. L-għada, it-temperatura waqgħet għall-minimu l-aktar baxx tax-xahar ta’ 6°C, jiġifieri 5°C anqas mill-medja mkejla fuq 30 sena għal dan iż-żmien tas-sena.It-total ta’ xita għal Diċembru wkoll kien aktar baxx min-norma klimatika għal dan ix-xahar. Fil-fatt f’Diċembru li għadda tkejlu biss 44.8mm ta’ xita meta mqabbel mal-104.8mm mistennijin. Ottubru kien l-aktar xahar tal-2017 li fih niżlet xita, li finalment ikkontribwixxiet għal aktar minn 23% tat-total għas-sena ta’ 432mm. Għalkemm ma kinitx xotta daqs dik ta’ qabilha, l-2017 kienet it-23 l-aktar sena xotta li l-gżejjer Malta esperjenzaw f’dawn l-aħħar 94 sena

More in Socjali