Tattoos 'illegali' | 'Ma nistax nemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018'

Wara li dan is-sit żvela kif huwa illegali li tirreklama tattoos matul il-jum għax 'mhux diċenti għat-tfal'...nitkellmu ma' diversi persuni dwar din il-Liġi fl-Att dwar ix-Xandir

Dak li fl-imgħoddi kien biss viżwal li tilmaħ fuq ġisem l-għadd ta’ baħrin li kienu jimbarkaw f’Malta, illum hu verament xena kommuni fis-soċjetà Maltija. Jidher biċ-ċar li t-tpinġija rnexxielha tintegra ruħha sew fil-moda. Mhux neċessarjament iżda, fil-liġi!  Kien dan is-sit li  żvela kif stazzjon privat lokali kellu jħallas multa ta’ €930 wara li ‘rreklama’ t-tpinġija.

Kienu ħafna dawk li fuq il-midja soċjali li esprimew il-ħsibijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. Min jgħid li orrur u li pajjiżna għadu jgħix fi żmien id-dlam u min jgħid li l-Awtorità għamlet sew għax il-laxkezza m’hawnx postha.  

Fid-dawl ta’ dan kollu l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi nies, fosthom eks membru tal-istess Awtorità tax-Xandir, preżentatur televiżivi u l-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli.

U bħal f’kollox mitt bniedem, mitt fehma.

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli
Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli

“Ir-reklamar jista' jħajjar lill-ġenituri jagħlqu għajnejhom għall-effetti li tattoo tista' tħalli fuq uliedhom.”

Din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Kummissarju tat-tfal, Pauline Miceli u staqsietha dwar jekk reklam tat-tpinġija, realment, iħallix effett negattiv fuq it-tfal li jkunu qegħdin isegwu x-xandira. Mal-ILLUM, Miceli spjegat li “fi żmien meta m'għadx hemm dik l-istigma fuq il-fatt li jkollok tattoo, ir-reklamar jista' jħajjar lill-ġenituri jagħlqu għajnejhom għall-effetti li t-tpinġija tista’ tħalli fuq uliedhom.”

Miceli sostniet li “t-tfal dejjem huma iktar vulnerabbli” u għalhekk hemm fis-seħħ il-liġijiet li ma jippermettux li r-reklamar dwar it-tpinġija jsir f'ħinijiet fejn it-tfal jistgħu jkunu qed isegwu.”

Apparti minn dan, skont il-Kummissarju tat-Tfal, “il-ġenituri jistgħu wkoll ma jkunux konxji li t-tpinġija fuq il-minuri huma illegali anke jekk ikollhom il-kunsens tal-ġenituri u għalhekk kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar għandu jkollhom għarfien sew tal-liġi u l-effetti li jistgħu jħallu fuq il-minuri.

Charles Mizzi eksmembru tal-Awtorità tax-Xandir
Charles Mizzi eksmembru tal-Awtorità tax-Xandir

“L-Awtorità għamlet dmirha”

L-ILLUM għamlet kuntatt ukoll ma’ Charles Mizzi eks membru tal-istess Awtorità tax-Xandir. Skont Mizzi l-Awtorità għamlet dmirha meta mmultat lill-istazzjon. “Ma jistax ikun tħalli kollox għaddej,” saħaq Mizzi. “L-Awtorità għandha xogħol importanti li trid twettaq. Jekk kienet se tagħlaq għajnejha f’dan il-każ imbagħad kienet toħloq lok ta’ preċedent. Reklamar dirett jew indirett dejjem se jħalli xi ftit effett fuq dawk li jkunu qed jarawh jew jisimgħuh,” temm jgħid Mizzi.

L-opinjonista u preżentatur Peppi Azzopardi
L-opinjonista u preżentatur Peppi Azzopardi

“Ma nistax nemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018”

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-preżentatur popolari tal-programm xarabank Peppi Azzopardi. Mal-ILLUM Azzopardi kien pront jgħid li assolutament ma jistax jemmen li dawn l-affarijiet għadhom jiġru fl-2018. “B’dan l-argument qed ngħidu li aħna intristikament qed naraw it-tpinġija bħala xi ħaġa ħażina. Jiġifieri aħna nippermettu reklamar fuq affarijiet li jagħmlu l-ħsara bħal ‘junk food’ u xorb alkoħoliku imma mbagħad ma nippermettux reklam dwar it-tpinġija matul il-jum,” innota l-preżentatur.

Azzopardi kompla jgħid li allavolja hu m’għandux tpinġija, xorta waħda jqisha bħala arti, filwaqt li saħaq li l-edukazzjoni għandha tkun iċ-ċavetta f’dawn il-każijiet. “Nemmen li m’għandniex nirristrinġu, la reklamar tal-‘junk food’ u lanqas tat-tpinġija. Minflok għandna nedukaw lit-tfal tagħna fuq xi tfisser li jkollok tattoo, ngħallmuhom fuq il-permanenza tagħha u li mhix xi ħaġa faċli li tneħħi,” sostna Azzopardi. “Niftakar darba t-tifel ried jagħmel tpinġija, u jien ma kontx oġġezzjonajt. Biss kont wissejtu li din hi xi ħaġa permanenti. Pront, pront irrimarkali hekk; “Mhux anke ż-żwieġ permanenti u int xorta żżewwiġt.”

“X’inhu r-rwol tal-Awtorità tax-Xandir?”

Imwaqqfa lura fl-1961, l-Awtorità tax-Xandir għandha rwol importanti li tissorvelja u tirregola x-xandiriet kollha tar-radju u tat-televiżjoni li joriġinaw mill-gżejjer Maltin. L-Awtorità tax-Xandir kontinwament tissorvelja l-istazzjonijiet tax-xandir lokali kollha sabiex tiżgura l-konformità tagħhom mal-liġi. L-awtorità li hi waħda indipendenti u hija magħmula minn President u erba’ membri oħra maħtura mill-President ta' Malta, skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

X’jgħid eżatt l-Att tax-Xandir fuq r-reklamar tat-tpinġija …

“L-istazzjonijiet kollha għandhom ixandru reklami bħal dawn jew xi sura oħra ta’ programmar li jkun fih siltiet marbuta mat-tatwaġġi jixxandru wara d-disgħa ta’ filgħaxija u mhux aktar tard mis-sitta ta’ filgħodu minħabba fil-fatt li skont dak li hemm fil-liġi, l-adulti biss jistgħu jitħallew jagħmlu t-tatwaġġi."

“Jekk bejn id-9.00p.m. u s-6.00a.m., ikun hemm reklam għal min jagħmel it-tatwaġġi jew programm li jirreferi għal wiri ta’ tatwaġġi l-istazzjon għandu jara li min jagħmel it-tatwaġġi għandu l-liċenzja biex jaħdem ta’ hekk."

“Ix-xandara jridu wkoll jinfurmaw lil min qed jara u/jew jisma’ bil-periklu li jista’ jkun hemm jekk it-tatwaġġi ssir minn min ma jkollux liċenzja u li ttatwaġġi huwa xi ħaġa li tibqa’ u ma tistax titneħħa ħlief b’operazzjoni.”

X’irrapportat l-ILLUM dwar il-każ?

L-inċident li kkaġuna l-multa seħħ waqt il-programm popolari, li jixxandar filgħodu, waqtu waħda mill-preżentaturi marret f’ħanut tagħmel tpinġija wara li din kellha mħatra mal-preżentatur l-ieħor.

L-awtorità ddeskriviet dan “bħala messaġġ ħażin fuq il-mezzi tax-Xandir, aktar u aktar fi programm li jixxandar filgħodu u li jmur kontra gosti tajbin u deċenza.” Skont l-Att tax-Xandir reklam dwar tpinġija huwa limitat biss għas-sigħat ta’ tard filgħaxija u filgħodu kmieni. Dan minħabba li skont il-liġi, l-adulti biss jistgħu jitħallew jagħmlu t-tpinġija.

L-Awtorità tax-xandir sostniet li minkejja l-fatt li uffiċjali tagħha kienu spjegaw u kkomunikaw mal-istazzjon qabel ix-xandira, il-ksur tal-liġi kien seħħ xorta waħda dan skontha kien “nuqqas serju” min-naħa tal-istazzjon u għalhekk ma kellux jiġi “trattat b’mod leġġer.” Kien fuq dan il-punt li għalhekk, l-Awtorità saħqet li “kellha tagħti messaġġ ċar lix-xandara li dan l-aġir ma kienx ser jiġi tollerat” u għalhekk imponiet il-multa ta’ €930.

Group Sales Manager ta' Eden Leisure Andrew Zammit
Group Sales Manager ta' Eden Leisure Andrew Zammit

Fuq il-każ, l-ILLUM kienet tkellmet mal-Group Sales Manager ta’ Eden Leisure, Andrew Zammit li fuq dan spjega li l-istazzjon meta tela’ quddiem l-Awtorità kien qajjem l-argument li din il-liġi hi waħda antikwata meta tqis li llum il-ġurnata t-tattoos m’għadhomx tabù. “L-Awtorità  fehmu biċ-ċar l-argument tagħna u saħanistra ssimpatizzaw magħna madankollu, peress li l-liġi iswed fuq abjad tgħid hekk xorta waħda mmultawna.

More in Socjali