Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Mijiet ta' messaġġi ta' kuraġġ lil Bjorn: 'Ibqa' ġġieled u taqta' qalbek qatt '

Bjorn iwieġeb; 'Assigurawni li l-mewt tiegħi ma jkunx it-tmiem, imma biss il-kontinwazzjoni ta' xi ħaġa kbira li bdejna flimkien'

Albert Gauci Cunningham / 3 ta' Jannar 2018 13:30
Bjorn Formosa flimkien ma' martu
Bjorn Formosa; eroj ta' veru, il-moħħ wara Dar Bjorn li toffri soljev lil dawk li jbatu bl-ALS, bniedem ta' kuraġġ u sentejn ilu l-Personalità tas-Sena tal-gazzetta ILLUM qed jirċievi mijiet ta' messaġġi ta' appoġġ u dan hekk kif indika li jinsab f'sitwazzjoni ta' saħħa pjuttost gravi. 

'Ibqa' ġġieled, taqta' qalbek qatt', kien kumment li ħalliet Rita Bartolo lil Bjorn, waqt li Karen Mifsud tiddeskrivih bħala "ispirazzjoni". 

"Għażiż Bjorn, inti raġġ ta' dawl u kuraġġ għalina lkoll. Il-messaġġ tiegħek ħallieni bla kliem...inti l-eroj tiegħi. Ibqa' żomm sod, ibqa' żomm il-fidi u t-tama," sostniet persuna oħra li ħalliet messaġġ ta' kuraġġ lil Bjorn, bl-isem ta' Marthese Mihaljovic.  

Dawn lkoll u mijiet ta' persuni oħrajn kienu qed jirreaġixxu għall-messaġġ ta' qsim il-qalb li ħalla Bjorn ilbieraħ u li fih jindika bl-aktar mod ċar illi t-tmiem tiegħu issa wasal.

"Il-kundizzjoni tiegħi kompliet tiggrava. Qed nuża l-magna tan-nifs 20 siegħa kuljum u qed ninfaraġ. Ġismi, litteralment qed jaqa' biċċiet...għajjejt kuljum insellem lil nies li jitlfu l-battalja tagħhom. Li jmiss probabilment se nkun jien. Ġismi huwa mifluġ u mkisser biex kwalunkwe trattament ikollu xi forma ta' effett. Miraklu biss jista' jsalvani..." 

Għal dan bosta bgħatu messaġġi lil Bjorn biex iħeġġuh jibqa' jemmen u jibqa' sod filwaqt li oħrajn bħal Eriminia Calleja faħħret lil Bjorn u l-legat li se jkun qed iħalli warajh; "Kemm inti raġel kbir, il-ġisem forsi qed jidisintegra imma l-ispirtu tiegħek se jibqa' għal dejjem għax inti ħloqt xi ħaġa li qed tagħti tama lil dawk li jbatu bl-ALS gġall-ġenerazzjonijiet li ġejjin." 

"It-tmiem tiegħi issa wasal, jekk jogħġobkom assigurawni li l-mewt tiegħi ma jkunx it-tmiem, imma biss il-kontinwazzjoni ta' xi ħaġa kbira li bdejna flimkien," jkompli jgħid Bjorn f'dik donnha waħda mill-akbar u l-aħġar xewqat tiegħu

Finalment fi kliem mill-isbaħ ta' Nadine Bruno; "Int ġibt il-bidla meta inti stess jkont qed tiffaċċja l-isfidi kbar li jġib miegħu l-mard. Tant nies jirringrazzjawk illum u jibqgħu jirringrazzjawk gpal dejjem, għax inti qiegħed hawn magħna u hekk se tibqa' dejjem tkun.'

 

Nota Editorjali: Il-gazzetta ILLUM u dan is-sit jixtieq jgħaddi messaġġ ta' żewġ kelmiet lil Bjorn Formosa; 'Grazzi ħafna'

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook