Vittma ta’ aċċident tat-traffiku jaf ikollha bżonn bejn ħames u 10 boroż tad-demm

  • L-inċidenti jħarbtu r-riserva iżda l-akbar ammont imur għall-pazjenti tal-kanċer
  • Il-mira huwa li fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ikun hemm 65 persuna li jagħtu d-demm kuljum

F'dawn il-jiem jiżdied ix-xorb u miegħu ċ-ċans tal-aċċidenti...
F'dawn il-jiem jiżdied ix-xorb u miegħu ċ-ċans tal-aċċidenti...

Inċident tat-traffiku jista’ jħarbat ir-riserva tad-demm għaliex f’ċertu inċidenti, pazjent jaf ikollu l-bżonn ta’ bejn ħames jew għaxar boroż tad-demm. Hekk sostna mal-ILLUM Tony Micallef miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm dan hekk kif ġiet imnedija l-kampanja edukattiva ‘Jekk se ssuq tixrobx!’ Hekk kif bil-mod resqin lejn il-ġranet tal-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena l-ġdida huwa ferm importanti li min ikollu l-ħsieb li jixrob ma jsuqx biex jiġu evitati l-perikli f’dawn il-jiem ta’ gost mal-familja u l-ħbieb.

Tony Micallef qal li kampanji edukattivi bħal dawn qed iħallu riżultat għaliex qed jikber aktar l-għarfien dwar il-bżonn tal-attenzjoni f’dawn il-jiem, tant li mill-istatistika tal-NSO għall-2016, irriżulta li f’Diċembru seħħew l-inqas ammont ta’ inċidenti gravi. Dan ma jnaqqasx mill-bżonn tal-attenzjoni u Micallef saħaq li “dawn il-kampanji huma bżonjużi, għaliex huwa importanti li n-nies ikunu kawti u li jibqgħu jagħrfu li jekk se ssuq ma tixrobx”.

Peress li matul ix-xahar ta’ Diċembru jiżdiedu l-persuni li jkun jeħtieġilhom id-demm, iċ-Ċentru tal-Għoti Demm beda wkoll il-kampanja tal-Milied biex ikun hawn riserva adegwata tad-demm u ċ-Ċentru jkun ippreparat kemm jista’ għaż-żmien tal-festi. Tony Micallef fakkar li apparti l-inċidenti, l-akbar ammont tad-demm mid-donaturi jmur għall-pazjenti bil-kanċer. Iċ-Ċentru qed iħeġġeġ biex fil-lista tar-rigali tal-Milied, wieħed iniżżel ukoll li jagħti d-demm, għaliex bl-għoti tad-demm, persuna tkun qed issalva l-ħajja ta’ persuna oħra.

Mal-ILLUM, Tony Micallef qal li l-mira taċ-Ċentru huwa li jkun hemm 65 donatur tad-demm kuljum. Qal li sfortunatament dan l-aħħar iċ-Ċentru qed jara inqas donaturi tad-demm fost il-ġimgħa. Dan jista’ jkun minħabba fatturi differenti fosthom l-impenji tax-xogħol, is-sħana tas-sajf jew il-kesħa tax-xitwa kif ukoll iż-żieda tat-traffiku fit-toroq. Micallef qal li “minkejja l-‘exposure fil-midja u l-għarfien kollu, in-nies xi kultant ma jagħtux biżżejjed” u għalhekk ħeġġeġ aktar persuni biex isiru donaturi u jagħtu d-demm fost il-ġimgħa. Biex jagħmel tajjeb għal dan, iċ-Ċentru jilqa’ grupp żgħar minn kumpaniji differenti, fejn il-ħaddiema jmorru flimkien u frekwentament jagħtu d-demm. Micallef qal li persuni miċ-Ċentru jistgħu wkoll imorru huma f’postijiet tax-xogħol biex ħaddiema jagħtu d-demm. Din is-sena l-avviżi miċ-Ċentru għad-donaturi kienu aktar frekwenti mis-snin ta’ qabel.

Tony Micallef qal li min se jagħti d-demm l-ewwel darba, ikun dejjem aħjar jekk imur iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm qabel l-4 ta’ wara nofsinhar biex tkun tista’ tingħata attenzjoni aktar partikolari. Dwar il-biża’ li taf iżżomm persuna milli ssir donatur tad-demm, Micallef qal mal-ILLUM, li hawn donaturi li huma regolarissimi taċ-Ċentru li jibżgħu iżda “jagħrfu wkoll li meta jagħtu d-demm jkunu qed jgħinu persuna oħra, jiġu salvati l-ħajjiet u dan jagħtihom sodisfazzjon”.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ kuljum mit-8 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija. Huwa importanti li jekk wieħed irid isir donatur jieħu miegħu l-karta tal-identità u min ikun ġie lura mis-safar jiċċekkja l-eliġibbiltà biex jagħti d-demm. Min jixtieq li jkun donatur jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru permezz tan-numri 22066201, 79307307, il-freephone 80074313 jew b’email fuq [email protected]. Wieħed jista’ jmur fuq is-sit elettroniku www.blood.gov.mt jew il-paġna tal-Facebook www.facebook.com/bloodmalta. Filwaqt li f’isem il-pazjenti jirringrazzja lil kull min se jagħti d-demm, iċ-Ċentru jappella lil min hu f’saħħtu biex juri ġenerożità. Iċ-Ċentru għall-Għoti tad-Demm ilu miftuħ mill-25 ta’ Novembru tal-1986 u ilu dawn l-aħħar 10 snin jopera minn Gwardamangia. Fis-sena jingħataw medja ta’ 16,000 donazzjoni tad-demm

More in Socjali