Proġett ta' manutenzjoni u rinovar fil-'housing estate' tas-Siġġiewi

Dan kien it-tmien ftehim tax-xorta tiegħu matul din is-sena, bil-lokalitajiet l-oħra jkunu l-Fgura, Ħal-Luqa, Il-Birgu, Bormla, Ħal Qormi, Ħal Għargħur u l-Gudja

Is-Seg. Parlamentari Roderick Galdes iħabbar proġett ta' titjib fil-Housing Estate tas-Siġġiewi
Is-Seg. Parlamentari Roderick Galdes iħabbar proġett ta' titjib fil-Housing Estate tas-Siġġiewi

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes kien preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi sabiex jibdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinovar f’sitt blokok fil-lokalità. Ix-xogħlijiet se jsiru fi blokok li qegħdin fi Triq Dun Anton Vella, Wied Ħesri, Triq Ramija u Triq Salvatore Mallia. Il-manutenzjoni u r-rinovar se jkunu qegħdin jirrispettaw it-talbiet tar-residenti tal-blokok konċernati.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal illi dan kien it-tmien ftehim tax-xorta tiegħu matul din is-sena, bil-lokalitajiet l-oħra jkunu l-Fgura, Ħal-Luqa, Il-Birgu, Bormla, Ħal Qormi, Ħal Għargħur u l-Gudja. Dan ifisser investiment b’total ta’ €170,000 fi kważi 35 blokka mxerrdin f’dawn il-lokalitajiet matul l-2017.

Ix-xogħlijiet li qed isiru f’dawn il-blokok jikkonċernaw xogħlijiet fuq is-soqfa u membranes; tibjid tal-komun; tibdil ta’ railing; tibdil ta’ madum imkisser; light-fittings u intercom fejn neċessarju; tneħħija ta’ aerials u grampuni li ma jintużawx; manutenzjoni jew bdil ta’ aperturi (bibien u twieqi; u manutenzjoni fuq il-ħitan skont kif meħtieġ, fost xogħlijiet oħra.

“B’din il-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsilli Lokali qed nindirizzaw inkonvenjenti li ġejjin minn housing estates li issa ilhom mibnija anke erbgħin u ħamsin sena. B’hekk, permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ferm meħtieġa, qed inħallu differenza pożittiva fil-ħajja tar-residenti u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom”, qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Huwa żied jgħid illi fl-istess ħin l-Awtorità tad-Djar għaddejja bi proġetti oħra separati li permezz tagħhom se jinbnew aktar blokok, inkluż dak il-proġett b’fondi Ewropej u li permezz tiegħu se tittejjeb l-aċċessibilità ta’ housing estates permezz ta’ liftijiet ġodda

More in Socjali