Ħal Qormi b’sistema elettronika li turi l-postijiet vojta għall-parkeġġ

  • Tabelli li juru kontinwament il-postijiet tal-parkeġġ f’numru ta’ toroq
  • Proġett pilota innovattiv li rċieva għanjnuna finanzjarja minn TM

Fil-lokalità ta’ Ħal Qormi ġew installati numru ta’ tabelli elettroniċi li jagħtu indikazzjoni lis-sewwieqa li jgħaddu jew joqogħdu f’din il-belt kemm hemm postijiet vojta ta’ parkeġġ f’toroq partikolari.

It-tabelli jew ‘electronic scoreboards’ jaħdmu b’tali mod li juru l-ammont ta’ kaxxi għall-parkeġġ li jkunu battala f’dak il-mument u jiġu aġġornati kontinwament b’mod elettroniku.

Dan il-proġett pilota, li diġà sab ħafna kummenti pożittivi, qed jgħin mhux ftit biex jonqsu l-karozzi li jdumu jduru fl-istess toroq għall-parkeġġ.

Dwar din is-sistema innovattiva, l-ILLUM tkellmet mas-Sindku ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina li spjega kif f’din il-lokalità hemm problema kbira ta’ parkeġġ kważi f’kull parti, li iżda tikber fl-inħawi kummerċjali jew it-toroq li fihom ġiet imnedija din l-inizjattiva.

Is-Sindku spjega li din l-idea nibtet wara li l-Kunsill Lokali xtaq li jagħmel inizjattiva innovattiva li tindirizza waħda mill-problemi taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-lokalità u biex japplika għall-kompetizzjoni mnedija minn Transport Malta bl-isem ta’ Mobility Action Awards.

Fil-fatt, Transport Malta kellha rwol biex saret din is-sistema elettronika tal-parkeġġi meta approvat il-proġett u għenet b’finanzjament ta’ €50,000 wara li l-Kunsill Lokali rebaħ il-kompetizzjoni tal-mobbilità.

L-ILLUM staqsiet ukoll kif din l-inizjattivà se tkun qed tikkumplimenta numru ta’ xogħlijiet oħra li fil-preżent qed isiru f’din il-lokalità għall-immaniġjar aħjar tat-traffiku.

Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina spjega li filwaqt li stenna aktar konsultazzjoni minn Transport Malta b'mod speċjali dwar l-immaniġjar tat-traffiku waqt ix-xogħlijiet,  il-ħidma li qed issir mill-Awtorità billi jiċċeknu r-‘roundabouts’ u t-twessigħ ta’ Triq Manwel Dimech u Triq l-Imdina, bdew jagħtu r-riżultati mixtieqa fejn it-traffiku qed jaħdem aħjar.

Qal li hemm bżonn iżda ta’ miżuri oħra, għaliex il-Kunsill irċievi osservazzjonijiet li mhemmx direzzjonijiet biżżejjed li jagħtu aktar sigurtà. Jesmond Aquilina spjega li din is-sistema b’electronic scoreboards’ għall-parkeġġi tgħin biex karozzi li jkunu intenzjonati li jipparkjaw fl-inħawi fejn sar dan il-proġett pilota, ma joqogħdux jduru fl-inħawi għal xejn ifittxu l-parkeġġ iżda minflok imorru fit-toroq l-oħra fejn is-sistema elettronika tindikalhom.

Jesmond Aquilina jħoss li din l-inizjattiva flimkien max-xogħlijiet ta’ Transport Malta se jtejbu s-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi.

Is-Sindku ta’ Ħal Qormi qal li jħares ’il quddiem biex isiru investimenti oħra bħal din is-sistema f’inħawi oħra fl-istess lokalità.

Fil-preżent is-sistema tal-parkeġġ bit-tabelli elettroniċi tinsab installata f’parti minn Triq il-Vitorja, parti minn Triq il-Ġdida, parti minn Triq San Bartilmew, Triq Bertu Hyzler, parti minn Triq Antonio Muscat Fenech u Triq Zinzel.

More in Socjali