Investimenti kbar biex inħarsu l-ambjent, noħolqu aktar xogħol u niżviluppaw enerġija nadifa

  • 75% tal-Maltin iqisu l-ħarsien tal-ambjent bħala l-aktar importanti
  • Il-karozzi u l-industrija huma l-aktar li jħammġu l-ambjent u qed joħolqu tibdil fil-klima

Id-dinja qed tibda tħares lejn metodi ġodda u aktar innovattivi li jistgħu jwasslu għal enerġija aktar nadifa u li fl-istess ħin jgħinu fil-ġlieda li għandna bħalissa kontra t-tibdil tal-klima u favur il-ħarsien tal-ambjent. Issa li l-Istati Uniti huwa l-uniku pajjiż li ma ffirmax il-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi, f’April tas-sena li għaddiet, din it-tiġrija lejn metodi ġodda biex nabbinaw il-ħarsien tal-ambjent u t-tkabbir ekonomiku u dak tal-industrija issa bdiet.

Mill-aħħar Ewrobarometru li ġie ppubblikat fil-ġranet li għaddew jirriżulta li disgħa minn kull għaxra jew 94% tal-Ewropej, fosthom il-Maltin, iqisu li l-protezzjoni tal-ambjent hija l-aktar ħaġa importanti għalihom. 

Il-Maltin li jemmnu hekk jammontaw għal 75%. L-aktar li huma konxji fuq il-protezzjoni tal-ambjent huma l-Iżvediżi b’87% filwaqt li l-Pollakki huma l-inqas b’40%. It-tibdil fil-klima huwa t-tħassib ta’ 51%, filwaqt li 46% huma mħassbin bl-emissjonijiet u t-tniġġis tal-ajru. 40% huma mħassba bl-iskart.

Il-ftehim ta’ Pariġi huwa l-aħħar sforz li fuqu ntlaħaq qbil kontra t-tibdil tal-klima

Il-ftehim ta’ Pariġi huwa magħmul biex il-pajjiżi kollha jżommu ż-żieda fis-sħana għal inqas minn żewġ gradi selsjus iżda l-pajjiżi qed jippruvaw li din tkun mal-grad u nofs, biex nerġgħu naslu għaż-żmien ta’ qabel il-livelli industrijali.

Il-mira hi li jkompli jikber ir-ritmu ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi imma wkoll li fl-istess ħin jonqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet ħżiena fl-ajru u ħolqien ta’ metodi tekonoloġiċi li jwasslu għal enerġija ġdida li tkun aktar nadifa.

Franza għażlet ukoll li ma jkunx hemm aktar karozzi bil-petrol jew dijżil sas-sena 2040 u ntrabtet ukoll li ma jintużax aktar il-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku sas-sena 2022. Dan apparti investiment ta’ €4 biljun biex tissaħħaħ l-effiċjenza fl-enerġija.

Mill-Ewrobarometru jirriżulta li 35% tal-Ewropej huma favur li jkun hemm żieda akbar fl-investiment tar-riċerka u l-iżvilupp biex jinstabu soluzzjonijiet teknoloġiċi għat-tibdil tal-klima u l-ħarsien tal-ambjent. 

Għaldaqstant 87% jħossu li jistgħu jkunu l-individwi nfushom li jistgħu jibdew billi jagħmlu l-kambjamenti li hemm bżonn u dan milli kulħadd jipprova jkun aktar konxju li jrid iħares l-ambjent madwaru. Dan is-sentiment li għandu jkun hemm aktar riċerka biex ikun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent qed jinħass sew fl-ogħla istituzzjonijiet Ewropej ukoll.

Fil-ġranet li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew organizzaw konferenza internazzjonali dwar metodi ġodda li jistgħu jintużaw sabiex bl-użu tat-teknoloġija filwaqt li tingħeleb l-isfida ambjentali jinħolqu wkoll aktar postijiet tax-xogħol. Din tibqa’ l-mira ewlenija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Interessanti kif matul dawn l-aħħar snin, l-ekonomija kibret iżda l-konsum tal-enerġija kull sena baqa’ jinżel.

Il-karozzi huma meqjusa fost l-aktar li jħammġu l-arja

L-pajjiżi ewlenin f’dan il-kuntest huma dak membri fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk ukoll l-industrija li timmanifattura l-karozzi se tintrabat li naqqas l-emissjonijiet mill-karozzi bi 30% anqas fi żmien 13-il sena meta dan ikun imqabbel mal-2021. Il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jintrabtu li jnaqqsu l-emissjonijiet b’40% sal-2030.

L-emissjonijiet tal-gassijiet ħżiena fl-ajru għandhom jonqsu b’60% fl-2050. L-isfida huwa s-settur tat-trasport hekk kif il-vetturi jammontaw għal kwart tal-emissjonijiet kollha fl-Ewropa, li 22% minnhom ġejjin mill-karozzi privati.

Għal dan il-għan, l-Ewropa qed tipprepara fondi li jammontaw għal €800 miljun li jiffinanzjaw proġetti li jwasslu għall-użu ta’ enerġija alternattiva għall-fjuwils. Hekk kif is-settur tal-manifatturar tal-karozzi se jimxi lejn it-tħaddim ta’ metodi u miżuri ġodda biex jonqsu l-emissjonijiet u fil-futur jieqaf l-użu tal-petrol u d-dijżil, dan ma jeskludix li jkun hemm żidiet fil-prezz tal-produzzjoni tal-vetturi. Sal-lum iżda m’hawnx qbil fuq kwota għal karozzi elettriċi.

Dan meta mill-Ewrobarometru jirriżulta li n-nofs tal-Ewropej iqisu li l-kwalità tal-arja marret lura matul dawn l-aħħar snin. 35% iqisu li l-aħjar mod ikun li jintuża ferm aktar it-trasport pubbliku.

Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-industrija mhix tagħmel biżżejjed għall-ħarsien tal-ambjent

94% tal-Ewropej jaqblu li dawk l-industriji jew fabbriki li qed jaffetwaw il-klima jew iħammġu l-ambjent, għandhom ikunu huma l-ewwel li jagħmlu tajjeb għall-ħsara li jkunu għamlu. 65% jaqblu totalment ma’ din l-istqarrija. 79% jemmnu li l-industrija mhix tagħmel biżżejjed biex tħares l-ambjent u jonqos it-tibdil tal-klima, 67% tal-Ewropej iqisu li l-Gvernijiet mhux qed jagħmlu biżżejjed f’din l-isfida mentri n-nofs jemmnu li l-belt jew lokalità fejn jgħixu mhix tagħmel kunsiderazzjonijiet biżżejjed. Jammontaw għal 74%, il-Maltin li għandhom tħassib fuq it-tniġġis fl-ajru mill-industija filwaqt li 82% jemmnu li l-industrija mhix tagħmel biżżejjed għall-ħarsien tal-ambjent.

Il-miri globali

Dawn huma l-miri ambjentali li d-dinja qed taħdem biex tipprova tilħaq sat-tmiem tas-sena 2030:

  • Il-miri dinjija (mhux biss Ewropej) dwar it-trażżin tat-tibdil fil-klima u l-użu ta’ sorsi moderni tal-enerġja huma:
  • Aċċess universali għal servizzi aktar moderni, affordabbli u tista’ torbot fuqhom
  • Żieda qawwija tal-enerġija rinovabbli fl-‘energy mix’
  • Tirdoppja r-rata globali fl-iżvilupp tal-effiċjenza tal-enerġija
  • Żieda fil-koperazzjoni internazzjonali li tiffaċilità l-aċċess għar-riċerka u t-teknoloġija għal enerġija nadifa, li tinkludi l-enerġija rinovabbli
  • Tissaħħaħ l-infrastruttura u t-teknoloġija li twassal għall-provista moderna tas-servizzi abbinati mal-enerġija rinovabbli għall-pajjiżi żgħar jew li għadhom qed jiżviluppaw.

More in Socjali