Għodda diġitali ġdida għal nies li qed jiffaċċjaw sfidi bl- illitteriżmu

Il-mira ewlenija ta’ din l-għodda diġitali hija li persuna tkun tista’ titgħallem ħiliet bażiċi fil-qari kif ukoll fil-kitba bil-Malti

L-Istitut Paulo Freire u l-Fondazzjoni Vodafone Malta nedew l-għodda diġitali ġdida bil-Malti bl-isem ta’ Iċ-Ċavetta. Din hija l-għodda diġitali hija mmirata lejn adulti u żgħażagħ li qed jaffaċċjaw problemi relatati mal-esklużjoni soċjali u sfidi oħra biex isibu impjieg.

Il-mira ewlenija ta’ din l-għodda diġitali hija li persuna tkun tista’ titgħallem ħiliet bażiċi fil-qari kif ukoll fil-kitba bil-Malti. Iċ-Ċavetta hija mfassla f’forma ta’ kors li jikkonsisti fi 32 attività, li huma maqsumin fuq livell elementari u li jibqgħu jiżdiedu sakemm jaslu għal-livell avvanzat.

Din l-għodda diġitali hija meqjusa bħala l-unika waħda preżenti ta’ din ix-xorta li hija speċifikament magħmula għall-adulti u ż-żgħażagħ. Iċ-Ċavetta hija bbażata fuq sensiela ta’ kotba li saru fl-2008 mill-Istitut Paulo Freire, u li kienu frott ix-xogħol estensiv ta’ din l-NGO fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-illitteriżmu fl-adulti f’Malta u Għawdex.

Din l-għodda diġitali onlajn tgħin f’dan il-kuntest billi tippreżenta l-qari u l-kitba b’mod ferm iżjed attraenti liż-żgħażagħ u tinkoraġġixxi wkoll il-ħiliet fis-settur tal-informatika mal-persuni li huma akbar fl-età. Mill-aħħar ċensiment li sar fl-2011, jirriżulta li f’Malta hawn 24,000 persuna li ma jafux jiktbu jew jaqraw.

Id-Direttur tal-Istitut Paulo Freire Fr Edgar Busuttil sostna li sfortunatament dawn il-persuni jispiċċaw f’xibka u jista’ jkun li qatt ma jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà Malta u dik Ewropea. Qal li jonqsulhom ukoll iċ-ċansijiet li jsibu impjieg għax l-illitteriżmu jġib lin-nies f’sitwazzjoni li jkunu aktar vulnerabbli u sfruttati.

L-Istitut jinsab kunfidenti li Iċ-Ċavetta se sservi ta’ assistenza kbira lil dawk l-adulti u żgħażagħ li għal xi raġuni jew oħra jsibuha diffiċli biex jaqraw u se tkun qed tgħinhom ukoll jipparteċipaw fis-soċjetà. Iċ-Ċavetta kien wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Fondazzjoni Vodafone Malta qed twettaq u li huma mmirati lejn l-użu tal-mowbajls għall-bidla soċjali.

Iċ-Ċavetta huwa servizz bla ħlas permezz tas-sit elettroniku www.cavetta.org.mt kif ukoll permezz ta’ app li tinsab fl-‘istores’ tal-mowbaljs App Store tal-Apple fuq iOS u Play Store tal-Google fuq sistemi Android.

More in Socjali