Mhux se jkun aktar il-pajjiż li fih jaslu l-immigranti li jieħu ħsieb l-ażil

Dan wara li l-kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew ivvota għat-tibdil tar-regolamenti ta' Dublin

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Mhux se jkun aktar il-pajjiż fejn jaslu l-immigranti fih li jkollu jipproċedi bl-applikazzjonijiet għall-ażil.

Dan wara li ġiet approvata verżjoni ġdida tar-regolamenti ta’ Dublin III, li jirregolaw l-immigrazzjoni, bit-tama li jkun hawn sistema tal-ażil aktar effiċjenti fl-Unjoni Ewropea.

Din ir-riforma mistennija li twassal għal tibdil fil-proċeduri li bihom jingħata l-ażil lill-immigranti irregolari li jidħlu fl-Ewropa.

Il-verżjoni ġdida tar-regolamenti, li jagħmlu parti mit-trattat ta’ Dublin, ġew approvati mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE).

Se jidħlu fis-seħħ diversi kriterji ġodda li se jkunu qed jiddefinixxu liema pajjiż ikollu d-dmir li jmexxi bl-applikazzjonijiet għall-ażil.

F’dan il-proċess se jibda’ jingħata ħarsa lejn l-assoċjazzjoni tal-immigrant irregolari mal-pajjiż partikolari kif ukoll lejn il-kunċett tal-familja tal-persuna.

Dan fil-każ li jekk immigrant ikollu familjari li qed jgħixu f’pajjiż partikolari, huwa jiġi rilokat f’dan il-pajjiż ukoll.

Meta dan ma jkunx possibbli, l-immigranti irregolari se jibdew jitqassmu fuq sistema ta’ kwota, sistema li ġiet ippruvata bla suċċess fil-kuntest tal-immigranti Sirjani mill-Greċja.

Issa li l-Kumitat LIBE approva dan it-tibdil, il-pass li jmiss huwa li dawn jiġu approvati wkoll fil-Kunsill Ewropew, fejn jiltaqgħu l-Prim Ministri tal-pajjiż, li iżda mhux se jkun faċli minħabba r-reżistenza li ntweriet fil-passat minn numru ta’ pajjiżi.

More in Socjali