L-Air Malta lura lejn Manchester

Wara waqfa ta' numru ta' xhur, l-Air Malta terġa' tibda t-titjiriet lejn il-belt Ingliża ta' Manchester

L-Air Malta ser tirritorna lejn Manchester minn Mejju 2018. “F’konformità mal-istrateġija ta’ tkabbir tagħha, l-Air Malta hija impenjata biex tkompli tespandi r-rotot u l-frekwenzi tat-titjiriet tagħha lejn l-ajruporti ewlenin tal-Ewropa. Id-deċiżjoni tal-Air Malta tqis numru ta’ fatturi, fosthom l-istrateġija kummerċjali aggressiva l-ġdida, prodotti u bidliet fit-tariffi li ser jitniedu daqt u ftehim kummerċjali mġedded ma’ Tour Operators ewlieni li ser jikkometti numru ta’ siġġijiet fuq kull titjira,” qal Konrad Mizzi, il-Ministru għat-Turiżmu.

Paul Sies, l-Uffiċjal Kap Kummerċjali tal-Air Malta żied, “Ninsabu tassew ferħanin li ser nirritornaw lejn Manchester, fejn inizjalment ser noperaw bi frekwenza ta’ darba fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta. Bħalissa qed jigu studjati frekwenzi addizzjonali. Matul l-aħħar ftit ġimgħat it-tim tal-bejgħ tagħna ħadem ħafna biex jikseb opportunitajiet kummerċjali ġodda u jingħaqad ma’ parteċipanti ewlenin fl-industrija biex din ir-rotta terġa’ tibda topera. Il-kuntratti kollha tal-passat relatati mal-operat tat-titjira ġew riveduti u t-termini l-ġodda li ġew innegozjati huma mistennija li jnaqqsu l-ispiża tal-operat.”

“Din hija aħbar tajba oħra kemm għall-Maltin kif ukoll għal sħabna fir-Renju Unit li jżuru ż-żewġ pajjiżi, li jew jivvjaġġaw fi gruppi jew jagħmlu l-arranġament individwali tagħhom,” żied jgħid Sies. L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ Manchester hi prova oħra tal-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir tal-Air Malta. Ftit ilu tħabbru Frankfurt, Tuneż u Tel Aviv.

Lokalment, it-titjira se tkun qed titlaq Malta fis-7:30 u tasal Manchester fl-10:05, bir-ritorn ikun fl-10:55 u jasal Malta fl-15:15.

Matul is-snin, Manchester irnexxielha titwieled mill-ġdid biex issir belt mimlija ħajja b’nightlife eċitanti u attiva ħafna. Manchester, li tospita diversi kapulavuri arkitettoniċi, inkluż il-Grade II listed Corn Exchange, il-Kunsill Lokali ta’ Manchester u l-Beetham Tower li fih 49 sular, malajr stabbiliet ruħha bħala waħda mill-iktar bliet moderni. Bis-saħħa tas-sistema tat-tramm elaborata tagħha Metrolink, hu verament faċli li wieħed jinnaviga liberament fid-diversi distretti, bħal Piccadilly Gardens.

Manchester, li hi ġenna għal kull min iħobb jixtri, tiftaħar bi ħwienet fit-toroq prinċipali u ħwienet kummerċjali li jinsabu f’Arndale Centre, Market Street, Exchange Square, Affleck’s Palace u Trafford Centre. Peress li Manchester tospita tnejn mill-ikbar klabbs tal-futbol fl-Ingilterra – Manchester United u Manchester City – Old Trafford u City of Manchester Stadium, it-tnejn li huma jistgħu jiġu aċċessati faċilment. 

More in Socjali