L-Imġarrin jilmentaw li ntesew mit-trasport pubbliku

Residenti Mġarrin jilmentaw mal-Kunsill Lokali li saħansitra sigħat sħaħ, il-lokalità tibqa' mingħajr servizz

L-Imġarrin qegħdin jilmentaw li spiċċaw minsijin mis-servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalità tagħhom, hekk kif qed jingħad li numru ta' servizzi qed jinqabżu jew ikun hemm dewmien żejjed.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr għamel referenza għall-ammont dejjem jiżdied ta’ ilmenti li jirċievi dwar is-servizz tat-trasport pubbliku fl-Imġarr, speċifikament dwar is-servizz bin-numri 44 u 238. Dawn l-ilmenti jittrattaw dewmien eżaġerat, nuqqas ta’ servizz, u saħansitra sigħat sħaħ fejn l-Imġarr jitħalla mingħajr trasport pubbliku.

Il-Kunsill Lokali saħaq li dan qed joħloq inkonvenjent kbir għal kull min jagħmel użu minn dan is-servizz u jkollu jħabbat wiċċu ma’ dan l-inkonvenjent kif ukoll jiffaċċja problemi fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola u fl-isptarijiet, filwaqt li jinsisti li huwa inaċċetabbli li s-servizz tat-trasport pubbliku fl-Imġarr mhux qiegħed isegwi l-iskeda tal-Malta Public Transport stess.

"Hija nuqqas ta’ serjetá kbira mill-Malta Public Transport li ma tagħtix każ għall-ilmenti li l-Kunsill Lokali u r-residenti ilhom jirrappurtaw għal xhur sħaħ, fejn mhux talli ma sar l-ebda titjib fis-servizz, iżda qed dejjem imur għall-agħar. Din is-sitwazzjoni jeħtieġ li tiġi solvuta sabiex waqt li nippromovu l-użu tat-trasport pubbliku, l-operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi s-servizz kif imwiegħed lill-passiġieri skont l-iskeda," sostna l-Kunsill Lokali tal-Imġarr waqt li żied jgħid li l-Malta Public Transport għandha l-obbligu li tieħu azzjoni minnufih.

More in Socjali