Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Kumpens għal min ma jgħollix il-kera f'10 snin

L-Alleanza Kontra l-Faqar tibqa’ tinsisti għal regolarizazzjoni fis-suq tal-kera 

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Settembru 2017 09:55
L-Alleanza Kontra l-Faqar ippreżentat numru ta’ proposti għall-baġit li jmiss b’aċċenn partikolari fuq il-kwistjoni tal-kirjiet privati, hekk kif għall-aħħar snin dawn raw żieda astronomika riżultat l-aktar ta’ domanda qawwija.

Fil-proposti tagħha l-alleanza qed tinsisti li jkun hemm limitu impost ta’ kemm tista’ togħla kirja privata flimkien mal-introduzzjoni ta’ qafas legali li jirregola l-kirjiet privati u li fih jinkludi ż-żmien ta’ kemm se ddum kirja. Dan apparti li qed ikun propost li kull kirja ġdida tkun reġistrata.

Fuq is-suġġett tal-kirjiet li tela’ fuq l-aġenda politika wara proposti ta’ limiti fuq il-valur tal-kirjiet li saru minn Yana Mintoff ma’ din il-gazzetta, l-istess Alleanza qed tipproponi li jkun hemm inċentivi fil-forma ta’ rifużjoni tat-taxxa u kumpens għal dawk li ma jgħollux il-kera privata għal 10 snin.

Fil-proposta oriġinali ta’ Mintoff, hi kienet ipproponiet li l-kera ma tiżdiedx b’iktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f’dik il-lokalità jew żona. Li jfisser illi jekk, bħala eżempju, il-kirja medja f’żona hija €100 kull xahar sid il-post ma jistax jitlob aktar minn €105 għal perjodu ta’ żmien qabel ma terġa’ ssir reviżjoni. Kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni ma qablux ma’ din il-proposta.

Intant fuq il-kwistjoni tal-housing ukoll, l-Alleanza kontra l-Faqar qed tipproponi li jkun hemm skema ta’ sussidju fejn dawk li huma bi dħul baxx jiġu mgħejjuna biex jixtru dar mingħand il-privat, dan apparti l-għajta kontinwa biex jiżdied l-investiment fil-qasam tal-housing soċjali.

Ma’ din il-gazzetta Charles Miceli li jmexxi l-Alleanza rrikonoxxa li saru attentati biex tkun trattata l-kwistjoni tal-kirjiet, għalkemm insista li din għadha ‘probema kbira’. Minkejja li fl-aħħar baġit il-Gvern kien żied is-sussidji Miceli għadu tal-fehma illi ħafna minn dan il-benefiċċju fil-fatt qed iwassal biex is-sidien iżidu l-kirjiet li jridu jħallsu l-inkwilini.

Charles Miceli jisħaq illi dan is-settur ikun rregolarizzat, “mhux f’kollox hemm ir-regoli? Mhux anke fit-traffiku hemm ir-regoli? Ħadd mhu qed jgħid li dan is-settur għandna noħonquh imma rridu nirrikonoxxu li hawn min qed ibati,” sostna Miceli ma’ din il-gazzetta. “U fejn in-nies qed jaqgħu lura huwa dmir tal-Gvern li jidħol għalihom,” temm jgħid Miceli dwar dan il-punt.

Dwar id-dħul u l-pagi l-Alleanza Kontra l-Faqar qed terġa’ tressaq ’il quddiem  il-kunċett ta’ Living Wage, li tkun ibbażata fuq basket ta’ bżonnijiet li jippermettu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom jgħixu ħajja diċenti. L-Alleanza qed titlob ukoll illi l-mekkaniżmu tal-COLA jkun aktar rappreżentattivi tal-prezzijieti fuq oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-kera.

Ma’ din il-gazzetta Miceli għamel aċċenn partikolari fuq il-bżonn li l-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja jkun jirrifletti aktar il-bżonnijiet u l-ispejjeż bażiċi. “Inutli tgħidli li l-flokk tad-ditta raħas jekk qed ngħix bi €800 u, €500 minnhom irrid inħallashom f’kera.”

Intant l-Alleanza Kontra l-Faqar qed tipproponi wkoll li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ x’inhu xogħol fiss u stabbli. Proposta 14 minn 20 li qed jitressqu tgħid illi kull xogħol li ma jaqax f’din id-definizzjoni għandu jitqies bħala xogħol prekarju.

"Inutli tgħidli li l-flokk tad-ditta raħas jekk qed ngħix bi €800 u, €500 minnhom irrid inħallashom f’kera"
Charles Miceli
Intant l-Alleanza Kontra l-Faqar qed tipproponi wkoll li kull prattika ta’ ‘Zero Hour Contract’ issir illegali. Dan it-tip ta’ kuntratt huwa wieħed illi fih l-impjegatur jgħajjat lill-impjegat għax-xogħol biss meta jkun hemm bżonn.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook