Sentejn u nofs u 350 pazjent wara...

L-istorja ta’ suċċess f’Dar Kenn għal Saħħtek

Sentejn u nofs u 350 pazjent wara, Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa qed turi kemm hi storja ta’ suċċess hekk kif iktar pazjenti li qed jagħmlu użu mis-servizzi tad-Dar qed ikollhom riżultati tajbin li jibqgħu jinżammu anke wara l-programmi. Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Darlene Zerafa, Direttriċi tal-Fondazzjoni Kenn għal Saħħtek u ma’ Dr. Anton Grech, chairman tal-istess Fondazzjoni, li tmexxi d-dar fl-Imtarfa.

Dar Kenn għal Saħħtek toffri servizzi għal persuni li jbatu minn xi ‘eating disorder’ u anke mill-obeżità, u bl-għajnuna ta’ numru ta’ professjonisti ifasslu pjanijiet sabiex dawn il-pazjenti jkunu jistgħu jerġgħu jiksbu saħħithom lura.

Zerafa spjegat kif id-Dar taħdem ma’ żewġ tipi ta’ pazjenti, u f’pajjiżi oħra, dawn ġeneralment  ikunu maqsuma f’żewġt idjar separati. Kompliet tgħid kif fil-każi tal-obeżità, dawn il-pazjenti jiġu referuti mit-tobba għal progamm residenzjali ta’ tmien ġimgħat, fejn jiġu segwiti mill-professjonisti sabiex jakkwistaw it-trattament meħtieġ. Id-direttriċi tispjega kif wara x-xahrejn trattament residenzjali, il-pazjenti xorta waħda jibqgħu jiġu segwiti mill-professjonisti, bis-sapport ma jaqta’ xejn sabiex il-bidla fl-istil ta’ ħajja li tkun inbniet, eventwalment titkompla. Hawnhekk, Darlene Zerafa tinsisti kemm huwa importanti s-sapport sabiex jiġi evitat li l-pazjenti jerġgħu jmorru lura għall-mod ta’ kif kienu qabel bdew il-programm.

Irridu kemm jista’ jkun nedukaw lill-poplu biex mhux infejqu lil min hemm, imma nevitaw li n-nies jaslu f’dak il-punt. Dak hu l-pass li jmiss fil-proġett tagħna

“Naħdmu fuq aspetti differenti tal-persuna, fuq il-lat tal-edukazzjoni, aspett nutrittiv, dak psikoloġiku, u naħdmu wkoll fuq attività fiżika biex nippruvaw li kemm permezz ta’ ħidma fi grupp u individwali, naħdmu mal-persuna biex tbiddel l-istil tal-ħajja tagħha,” sostniet Zerafa.

Is-servizzi li toffri Dar Kenn għal Saħħtek, mhumiex limitati biss għall-ħidma residenzjali, li tammonta għal iktar minn 350 pazjent fiż-żmien li ilha miftuħa d-dar, iżda wkoll ammont ikbar ta’ nies li jagħmlu użu minn xi servizzi jew faċilitajiet li toffri d-dar.

Pazjenti b’‘eating disorders’ jibdew minn età ta’ 11-il sena

Meta mistoqsija dwar l-etajiet ta’ dawk il-persuni li jagħmlu użu mid-Dar, Darlene Zerafa tgħid li l-etajiet ivarjaw bil-bosta. Fil-fatt, fil-każ tal-obeżità, il-pazjenti jibdew sa minn età żgħira, bl-età medja tkun bejn l-40 u l-50 sena. Min-naħa l-oħra, fejn jidħlu l-‘eating disorders’ l-età tkun ferm iktar baxxa, bl-età tal-pazjenti tibda minn 11-il sena u l-medja tkun biss ta’ 18-il sena.

Studju lokali se jkun ippubblikat f’ġurnal psikjatriku internazzjonali

Minbarra li l-għan ta’ Dar Kenn għal Saħħtek huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti tagħha, jinżamm rekord tal-pazjenti sabiex jiġu monitorjati tul il-proċess tagħhom.

Fil-fatt, Dr. Anton Grech u Darlene Zerafa spjegaw kif fi ftit ġimgħat oħra, Dar Kenn għal Saħħtek se tkun qed tippubblika studju u tippreżentah waqt konferenza f’Cambridge li janalizza t-tibdil tal-pazjenti u l-progress tagħhom matul iż-żmien. Dan l-istudju mistenni juri kif titjieb il-mobbiltà tal-pazjenti, jonqos il-livell taz-zokkor, kolesterol u pressjoni, fost l-oħrajn. Dan l-istess studju se jkun imbagħad qed jiġi ppubblikat f’ġurnal psikjatriku internazzjonali.

Grech spjega kif l-ewwel 136 pazjent li kellha d-dar ġew studjati permezz ta’ testijiet li sarulhom u imbagħad baqgħu jiġu monitorati tul il-proċess tagħhom. Fil-fatt, jispjega kif dawn il-pazjenti tjiebu f’saħħithom hekk kif naqsu mill-piż u dan b’mod sostanzjali. Fl-istess waqt, iċ-chairman tal-Fondazzjoni jgħid kif bħalissa qed issir ukoll analiżi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti, “għaliex hi inutli li jkun naqaslek il-kolesterol, imma fl-istess ħin tibqa’ bid-dipressjoni.” Fl-istess waqt, isostni li l-vera prova tad-Dar, mhux dan l-istudju iżda x’jiġri snin wara, u kemm il-pazjenti jibqgħu jżommu mal-ħajja l-ġdida tagħhom.

Meta mistoqsija dwar ir-rati ta’ suċċess tal-pazjenti, Zerafa tgħid kif din hi għolja ħafna, hekk kif huwa verament żgħir in-numru ta’ pazjenti li jiefqu mill-programm tagħhom minkejja li dan isibuh diffiċli ferm partikolarment fil-bidu tiegħu. “Għall-bidu, jibdew jirrifjutaw li jagħmlu ċertu eżerċizzju għaliex isibuh wisq diffiċli, imma meta nibdew naħdmu magħhom, nibdew naraw kif dawn qed jinbidlu drastikament minn ġurnata għall-oħra, sakemm meta jispiċċaw, jibdew jagħmlu l-eżerċizzju waħedhom, ikunu iktar motivati...sakemm tbiddel il-mentalità,” saħqet Zerafa.

Rata iktar għolja ta’ pazjenti fis-sajf

Grech u Zerafa spjegaw kif in-numru ta’ pazjenti jiżdied kif jibda l-istaġun tas-sajf, partikolarment fejn għandhom x’jaqsmu l-pazjenti li jbatu mill-bulimia u l-anoressija, l-iktar minħabba li bħalissa l-istudenti jkunu bil-vaganzi. Meta persuna tkun tbati mill-anoressija b’mod partikolari, ikun diffiċli ferm għaliha sabiex tammetti li għandha problema u li allura teħtieġ l-għajnuna. Iktar minn hekk, il-pazjenti, li fil-maġġoranza tagħhom ikunu żgħażagħ u studenti, ma jkunux iridu jfittxu għajnuna fiż-żminijiet tal-iskola partikolarment waqt l-eżamijiet u saħansitra ġieli jkun hemm reżistenza mill-ġenituri sabiex uliedhom ma jitilfux skola. Għaldaqstant, minkejja li s-servizzi tad-Dar fejn hu possibbli jingħataw mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jirrisjedu hemmhekk, fis-sajf ikun hemm żieda minħabba l-vaganzi. Fil-fatt, fil-preżent, id-Dar għandha 11-il pazjent li għandhom problemi ta’ ‘eating disorders’. Il-programmi għal dawn il-pazjenti jkun differenti u magħmul apposta għall-persuna, għall-kuntrarju ta’ dawk il-persuni bi problemi ta’ obeżità, liema programm ikun fiss ta’ 8 ġimgħat.

‘Għad fadal ħafna nies li mhux jużaw is-servizz’

Dr. Anton Grech jispjega kif l-ewwel u l-iktar pass maġġuri lokalment kienet Dar Kenn għal Saħħtek. Isostni kif wara t-twaqqif tad-dar, kien imiss li dawk in-nies li kienu jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet jiġu avviċinati sabiex jieħdu t-trattament neċessarju. Dwar dan, modestament Grech jgħid li ‘relattivament, għamlu suċċess.’ “Fejn tidħol il-morbid obesity, konna verament ta’ suċċess, waqt li l-eating disorders l-oħra, għall-ammont ta’ nies li jużaw is-servizz, inħoss li kif anke wriet ir-riċerka, għad fadal ħafna nies li mhux jużaw is-servizz,” sostna Grech. Għaldaqstant, Grech jgħid li l-pass li jmiss huwa biex jinstabu mezzi oħra kif jistgħu jiġu avviċinati iktar dawn il-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna, u dan waqt li se tinbeda ħidma fuq livell primarju, “biex kemm jista’ jkun nedukaw lill-poplu biex mhux infejqu lil min hemm, imma nevitaw li n-nies jaslu f’dak il-punt. Dak hu l-pass li jmiss fil-proġett tagħna,” temm jgħid Anton Grech.

More in Socjali