Sense Group: 'L-abbuż tax-xorb ikisser il-ħajja ta’ persuni oħra wkoll'

Is-'Sense Group' jibda kampanja biex tqajjem għarfien dwar il-konsegwenzi negattivi tax-xorb eċċessiv

It-tema għall-kampanja tas-sajf 2017 imnedija minn The Sense Group (TSG) hi “Drinking abuse breaks other lives too…Be drink aware”. Il-kampanja tinkludi viżwali bl-iswed u abjad bil-għan li l-messaġġ tagħhom jasal b’mod aktar qawwi. Il-kampanja hi mfassla biex tqajjem aktar għarfien dwar il-konsegwenzi negattivi ta’ konsum eċċessiv ta’ alkoħol, u biex dawk li jabbużaw jaħsbu ftit dwar in-nies ta' madwarhom, inklużi ħbieb u qraba.

“The Sense Group hu konxju ħafna tal-impatt li d-drawwiet tax-xorb mhux ikkontrollat għandhom fuq is-soċjetà kollha, il-komunitajiet, il-familji u l-ħbieb. Wieħed ġeneralment jitkellem l-aktar dwar il-ħsara li persuna li tabbuża mill-alkoħol tkun qed tagħmel lilha nnifisha f'termini ta’ saħħa u kwalità ta’ ħajja. Iżda rridu nqisu ukoll li l-effett negattiv jolqot ħażin anki lil dawk qrib ta’ min qed jabbuża, u jista' jkollhom konsegwenzi devastanti li ħafna drabi jwasslu biex persuna jibqa’ jiddispjaċiha għomorha kollu għall-ħsara li tkun ġabet b’idejha,” qal Ray Grech, id-Direttur Ġenerali ta’ The Sense Group.

Il-pubbliku qed ikun mistieden biex, kemm jista’ jkun, ixerred dan il-messaġġ ħalli titqajjem aktar kuxjenza dwar din ir-realtà. Tajjeb ukoll li kullħadd iżur il-websajt drinkawaremalta.com biex isir jaf aktar dwar il-fatti li jistgħu jwasslu għal stil ta’ ħajja fejn l-alkoħol ikun ikkunsmat b’moderazzjoni

More in Socjali