Il-Ministru Bonnici se jagħmel talba għall-għajnuna lill-għaqdiet tal-festi

Bħalissa għaddejjin diversi laqgħat preliminari mal-Kunsill Malti tal-Arti

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jkun qed jagħmel talba formali biex fil-baġit li jmiss tkun allokata somma flus mill-baġit tal-pajjiż li tmur għal għajununa lil soċjetajiet mużikali , għaqdiet tan-nar u gruppi oħrajn li għandhom ħidmiethom relatata mal-festi  Maltin.

Dan żvelah mal-ILLUM il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li kkuntattjat minn din il-gazzetta sostna illi kemm qabel u aktar wara l-elezzjoni avviċinawh bosta persuni li b’xi mod huma marbutin mal-festi, b’mod speċjali persuni  li jaħdmu l-logħob tan-nar. Bonnici, li l-Ħadd li għadda fl-artiklu ta’ kull nhar ta’ Ħadd tiegħu fuq din il-gazzetta għamel aċċenn fuq il-bżonn li jkunu mgħejjuna dawk li jagħmlu xogħol imprezzabbli fil-festi, qal illi bħalissa għaddejjin laqgħat preliminari mal-Kunsill Malti tal-Arti. Il-laqgħat qed jitmexxew minn Albert Marshall li se jkun qed jinforma lill-Ministru Bonnici bil-proposti u t-talbiet li qed isiru.

Minkejja dan, Bonnici għamilha ċara illi l-għan tal-Gvern huwa  li jagħti għajnuna permezz ta’ skemi u proġetti partikolari u li bl-ebda mod dan ma jfisser li l-Gvern qed jiffinanzja l-festi hu. F’intervista fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd 2 ta’ Lulju 2017 id-Dekan tal-Fakultà tas-Social Wellbeing Andrew Azzopardi oġġezzjona għall-finanzjament dirett lill-festi Maltin, minflok għajnuna bi skemi. Azzopardi kien sostna illi jekk “jingħataw rifużjonijiet u jsiru skemi, kollox sew. Imma mhux flus diretti għax inkella l-festi jibdew jiżviluppaw skont l-esiġenzi ta’ min qed jagħti l-fondi.”

Intant Bonnici fakkar illi waslet biex tagħlaq ukoll sejħa għas-soċjetajiet mużikali li jixtiequ jwettqu proġetti infrastrutturali, bħal swali fejn isir t-tagħlim tal-mużika jew bdil ta’ soqfa għall-kmamar tan-nar, kif ukoll għal dawk li jixtiequ jagħmlu diġitali l-mużika li għandhom fil-librerija tagħhom, biex b’hekk dan ix-xogħol ma jintilef qatt.

Din l-inizjattiva hija parti mill-wegħdi tal-Partit Laburista biex għaqdiet mużikali madwar il-pajjiż ikunu mgħejjuna, fost l-oħrajn biex isiru sidien tal-każin. Dan dejjem taħt il-kundizzjoni li s-soċjetà tkun reġistrata bħala għaqda non-governattiva (NGO) u jkollha s-sitwazzjoni finanzjarja skrutinizzata u kif suppost.

 

More in Socjali