‘Ma nistax nifhem kif hawn min jopponi ċ-ċans biex koppji jsiru ġenituri’

Omm ta' tarbija bl-IVF tappella għal bidla fil-liġi sabiex iktar koppji jkunu jistgħu jsiru ġenituri

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, Amanda Briffa tkellmet dwar it-tbatija u d-diffikultajiet li tgħaddi minnhom koppja li jkollha tirrikorri għall-IVF sabiex ikollha t-tfal. Minħabba li l-ewwel ċiklu tal-IVF, il-koppja Briffa għamlitu barra minn Malta, taf x'inhuma dawk il-problemi u differenzi li raw bejn il-liġi tal-IVF barra minn Malta u dik preżenti fil-pajjiż.

Għaldaqstant, rigward in-nies, partikolarment nisa li jopponu metodi bħall-iffriżar tal-embrijuni jew saħansitra l-IVF minħabba kwistjonijiet etiċi jew morali, Amanda tgħid kif ħaġa bħal din ma tistax tifhimha. “Dawn in-nies kif għaddew minnha, u jafu kemm hi sabiħa t-tqala u fl-istess ħin, hawn ċertu affarijiet fid-dinja llum li nistgħu ngħinu iktar koppji jsiru ġenituri u nċaħħduhom minnha? Din hi xi ħaġa li qatt ma stajt nifhem,” tispjega Briffa.

Briffa kienet inizjalment marret tagħmel il-proċess tal-IVF barra minn Malta sabiex tkun tista’ tibbenefika minn liġijiet differenti, partikolarment fejn jidħol l-iffriżar tal-embrijuni. Dwar dan is-suġġett, Amanda titkellem b’passjoni dwar għalxiex temmen li l-liġi f’Malta għandha tinbidel f’dan ir-rigward. Briffa tgħid kif meta mara tgħaddi mill-proċedura li jitteħdulha l-bajd għall-fertilizazzjoni, li hi proċedura li tirrikjedi li l-mara tkun imraqqda bil-loppju, jkollha bżonn li terġa’ tiġi f’tagħha u tikseb saħħitha lura qabel ma tiġi impjantata bil-bajd fertilizzat. Il-liġi f’Malta ma tippermettix li l-bajd fertilizzat jiġi ffriżat allura, dan ikollu jiġi impjantat mill-ewwel kif jibda jikber, jiġifieri madwar tlett ijiem wara. Hawnhekk, Briffa tgħid li jkun iktar għaqli li kieku l-mara tingħata żmien biżżejjed sakemm din tkun fl-aqwa kundizzjoni għall-impjantazzjoni, u sadanittant, il-bajd fertilizzat ikun miżmum fil-friża.

B’ċertu passjoni, Amanda tgħid kif temmen li ċertu koppji, minħabba l-problemi speċifiċi li jkollhom, jagħmlu l-proċess tal-IVF, kemm-il darba jagħmluh, xorta waħda ma jistgħux isiru ġenituri jekk il-liġi ta’ pajjiżna dwar l-iffriżar tal-embrijuni ma tinbidilx u jiddaħħlu d-donazzjonijiet tal-bajd jew l-isperma. Amanda titkellem ukoll favur żieda fl-età tal-mara li tista’ tagħmel IVF, u minn 43 titla’ għal 45, għaliex temmen li kieku hi ma kellhiex tfal, kienet se tibqa’ tipprova sakemm tagħtiha l-età. “Nemmen li hemm bżonn ta’ bidla fil-liġi biex iktar koppji jsiru ġenituri,” temmet tgħid Amanda.

More in Socjali