‘Kien ir-referendum tad-divorzju li fetaħ il-bieb għal-libertajiet ċivili’ – Silvan Agius

Colours of the Rainbow: Malta tmexxi dibattitu fi Brussell dwar il-kreazzjoni tal-LGBTIQ f’soċjetà inklussiva

Silvan Agius magħruf bħala l-arkitett tal-Unjoni Ċivili f’Malta
Silvan Agius magħruf bħala l-arkitett tal-Unjoni Ċivili f’Malta

 

Din il-ġimgħa qed jiġi ċċelebrat is-27 anniversarju minn meta l-omosesswalità tneħħiet mill-klassifika ta’ mard mill-WHO. Sadattant f’dawn l-aħħar tliet deċennji l-omosesswalità bdiet dejjem tiġi aktar aċċettata fis-soċjetà dinjija u l-omosesswali bdew aktar jiġu inklużi fis-soċjetà, inqas ‘bullied’, fejn anke diversi pajjiżi tawhom l-istess drittijiet tas-soċjetà etrosesswali.

Il-Presidenza Maltija f’din il-ġimgħa fejn fi Brussell tiġi ċċelebrata b’mod mill-aktar qawwi d-dinja tal-LGBTIQ uriet l-avvanz kbir li għamlet Malta f’erba’ snin. Fejn fl-istess ġurnata l-ILGA ( International Lesbian, Gay, Bisexual, Trans and Intersex Association) ikklasifikat lil Malta fil-quċċata tal-aktar pajjiż li għandu liġijiet u politika li tagħmel impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ persuni LGBTI. U dan meta wieħed iqis li sa ftit snin ilu konna klassifikati fil-qiegħ nett.

Il-presidenza Maltija kompliet turi s-saħħa tagħha f’dan is-settur meta permezz tad-dipartiment tal-EPSCO f'Dar Malta, organizzat dibattitu fil-Bozar fejn kien hemm sala mimlija nies minn kull aspett ta’ persuni LGBTI li ġiet msejħa l-Clours of the Rainbow. Barra dan Malta ħadet sehem fil-Gay Pride parade fi Brussell b’banner u anke b’T Shirts apposta u fl-istess Bozar u anke fil-Kunsill Ewropew ittellgħet wirja ta’ ritratti eċċezzjonali meħuda mill-artist Malti Kris Micallef.

L-ILLUM attenda sew għad-dibattitu fejn fih ħa sehem il-persuna li kien xprun għal-liġi ta’ unjoni ċivili f’Malta, Silvan Agius, Ministru mill-Knisja Protestanta li jgħid li hu gay u jieħu sehem fid-dating agency tal-gays, ġurnalista lesbjana u Mahmoud Hassino, Sirjan maħrub mill-gwerra għax kien imfittex mir-reġim biex jiġi arrestat. Barra hekk l-ILLUM tkellem ukoll mal-artist żagħżugħ Kris Mikallef.

 

 

“Wara li dħalna fl-Unjoni Ewropea l-affarijiet bdew jinfetħu bil-mod iżda politikament mhux biżżejjed. Kien ir-referendum tad-divorzju li fetaħ il-bieb għal-libertajiet ċivili. Qabel minħabba l-kultura tagħna qatt ma konna noħolmu li l-minoranza tista’ tingħata leħen mill-maġġoranza.” Dan kien il-bidu tad-diskors ta’ Silvan Agius meta kien mistoqsi kif inbidlet Malta minn lejl għal nhar f’dawk li huma libertajiet ċivili. Sadattant Silvan kompla li wara dan ir-referendum saret elezzjoni ġenerali fejn waħda mill-proposti elettorali kienet dwar l-unjoni ċivili. “Bil-Prim Ministru u l-Ministru Helena Dalli jaħdmu biex għaddiet din il-liġi. Bħalissa għaddejja wkoll kampanja elettorali u ż-żewġ partiti qed jwiegħdu żwieġ bejn persuni LGBTIQ.” Silvan kien mistoqsi wkoll jekk il-Partit Laburista dak iż-żmien użax il-kommunità gay biex jirbaħ il-voti u kienet aktar proposta ta’ opportuniżmu milli għax vera jemmen f’dawn il-liġijiet. Il-kelliem Malti ma qabilx ma dan, “Il-kommunità tagħna kienet insinjifikanti u żgħira wisq biex tagħmel differenza f’min jirbaħ elezzjoni. Filwaqt li kien hemm ħafna aktar li ma tantx jaqblu maż-żwieġ jew għaqda tal-gays li setgħu allura vvutaw kontra.”

Silvan hu magħruf bħala l-perit ta’ dawn il-liġijiet li saru f’Malta iżda Silvan qal li ma kienx waħdu biex saru dawn il-liġijiet, “Jien kelli r-rwol tiegħi, iżda ma kontx waħdi. Irrid nsemmi persuna mill-aktar speċjali f’dan ir-rigward, Gabi Calleja. Gabi żammet il-moviment ħaj, kompliet tiġġieled kullimkien għal dawn id-drittijiet fejn deher li kollox kien imwaħħal. Hu faċli li tmur fi spazju u tibda tpinġi bil-kuluri tal-qawsalla u tpinġi dak li trid. Iżda meta trid tpinġi fost l-poplu kollu fejn m’hemmx wisq spazju u tkompli tiġġieled biex tagħmel il-pittura tiegħek fejn hemm min mhux qed iħallik, allura hemmhekk hi r-rebħa. Iva l-moviment tal-LGBTIQ ta’ Malta għandu mertu kbir f’dak kollu li sar. Jien għażilt li nirritorna Malta minn Brussell biex tidħol din il-liġi ma kienx faċli meta tkun taf li s-soċjetà Maltija ma kinitx għadha miftuħa biżżejjed. Iżda emmint li nistgħu nagħmluha speċjalment li kellna moviment politiku warajna.”

Kien hemm mistoqsija interessanti dwar kif Malta hi l-uniku pajjiż li m’għandux l-liġi tal-abort fl-Ewropa u lanqas il-liġi tal-krematorjum u fl-istess ħin qiegħda l-ewwel fejn jidħlu gays, lesbians, trans eċċ. “Tistennewx Malta li tkun post fejn il-ħaxix hu ħadrani aktar minn ta’ kulħadd. Is-sigriet kien li aħna ħdimna ħafna u x-xogħol kbir tana l-frott. Meta ġejna mogħtija l-opportunità, ridna nikapitilizzaw minnha. Illum għandna l-aqwa liġi minn 49 membru tal-Kunsill, fejn għandna l-politiċi kollha warajna, parti mill-Knisja Kattolika wkoll hi warajna, tant li l-Arċisqof mar fuq it-televiżjoni Maltija jgħid ‘ħobbu lil uliedkom huma kif inhuma, jekk jinzertaw li huma gay jew lesbjani, bisesswali, trans eċċ, ħobbuhom bħalma ħabbejtuhom minn dejjem.”

Silvan qal ukoll li anke f’Għawdex tinħass l-bidla dwar l-LGBTIQ’s, meta kien mistoqsi dwar li Għawdex il-gays u l-lesbjani għadhom ftit moħbija minħabba li l-kultura hi differenti. “Il-fatt li hemm organizazzjoni tal-LGBTIQ f’Għawdex diġà hu pass pożittiv. Barra hekk għamilna ‘zebra jew aħjar rainbow cross fil-belt kapitali ta’ Għawdex, anke jekk hi ħaġa żgħira tgħin biex jitrawwem kuxjenza favur persuni gay, lesbjani, trans eċċ. Issa jekk tistaqsini jew dawn in-nies għadhomx isibuha diffiċli li joħorġu fil-beraħ f’Għawdex, inwieġeb li probabbilment iva, iżda din nemmen li tiġri fl-Ewropa kollha meta toħroġ barra mill-bliet prinċipali u tmur fil-villaġġi żgħar. Hemm bżonn aktar enerġija fil-ġlieda tagħna għal aktar għarfien”

Tkellmet ukoll ġurnalista lesbjana li qalet li hemm bżonn aktar, “li nuru li aħna lesbjani jew gays milli nitkellmu. Jien kif nara lil partner tiegħi tkun fejn tkun inbusha u ngħidilha li nħobbha fejn jista’ jarana min irid, għax b’hekk inkunu qed nuru li aħna m’aħniex differenti mill-kumplament tas-soċjetà.”

 

 

 

More in Socjali