Dar ġdida għall-anzjani fin-Nadur, Għawdex

Dar fin-Nadur se tkun qed titwaqqa' u minflokha tinbena dar għall-anzjani li għandhom dipendenzi differenti

Il-pjanijiet għad-dar tal-anzjani fin-Nadur
Il-pjanijiet għad-dar tal-anzjani fin-Nadur

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana attendiet għall-preżentazzjoni tal-proġett ta’ Dar Madre Tereża fin-Nadur, Għawdex, li se tkun qed tilqa’ fiha membri mill-komunità tal-istess raħal kif ukoll persuni anzjani oħra minn Għawdex kollu.

Waqt attività li saret fil-post fejn propju se titwaqqa’ dar u minfloka tinbena din id-dar tal-anzjani, attendew l-Isqof ta’ Għawdex, l-Amministratur tal-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex, u d-Direttur għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.. 

Justyne Caruana qalet li din id-dar se tkun proġett importanti ħafna minħabba li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-anzjani jgħixu l-aħħar snin ta’ ħajjithom fl-aqwa ambjent possibbli u li jkun addattat għall-bżonnijiet tagħhom. Hija qalet li dan il-proġett kbir huwa pedament sod fit-tiswir ta’ ambjenti addatti, xierqa, u dinjintużi għall-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari Caruana żiedet tgħid li din id-dar se tkun qed tilqa’ fiha anzjani Għawdxin li għandhom dipendenzi differenti u li l-kura għalihom tvarja minn individwu għall-ieħor. Hija saħqet li dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm ambjent xieraq u spazju maħsub li jilqa’ għall-bżonnijiet differenti tal-individwi. Id-dar ħa tinkorpora fiha faċilitajiet ta’ kura għad-dimensja, servizzi ta’ matul il-jum, kif ukoll mużew.

Hija għalqet billi rringrazzjat lill-partijiet kollha li kienu kruċjali biexisir dan il-proġett u qalet li qed thares ’l quddiem biex tara dan il-proġett jitlesta.

Min-naħa tiegħu, l-amministratur tal-Kurja tal-Isqof Victor Gusman qal li l-post magħżul kien tħalla lill-knisja mill-koppja Grima minn Nadur bl-intenzjoni mill-bidu nett li jsir dar tal-anzjani. Huwa qal li għal proġett kbir bħal dan ikun hemm bżonn sinerġija finanzjarja tajba u għalhekk għaddejjin diskussjonijiet mal-Gvern. 

Min-naħa tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex irringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u AnzjanitàAttiva u lill-Gvern tal-inizjattivi kontinwi li qed isiru bejn iż-żewġ naħat biex tgawdi minnhom is-soċjetà Għawdxija.

More in Socjali