Tqegħid tal-ewwel ġebla tan-night shelter ġdid fil-lokalità tal-Għarb f’Għawdex

Minbarra night shelter,  dan il-post se jservi bħala Ċentru ta' Anzjanità Attiva matul il-jum

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana inawgurat l-ewwel ġebla tal-proġett il-ġdid ta’ night shelter għall-anzjani ġewwa l-lokalità tal-Għarb Għawdex.  Dan sar wara li ftit tax-xhur ilu intlaħaq ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari u l-każin tal-banda biex jinfetaħ dan in-night shelter bl-isem tal-Virtut.

Is-Segretarju Parlamentari qalet kif dan il-proġett huwa ta’ valur importanti mhux biss għaliex ser ikompli jsaħħaħ u jimplimenta l-istrateġija tal-anzjanità attiva, iżda anke minħabba l-valur soċjali, minħabba li dan in-night shelter ser iservi ta’ rifuġju għal dawk l-anzjani li jkunu waħedhom u jkunu jridu wens u servizzi għal matul il-lejl.  Hija qalet li minħabba talbiet kontinwi mir-residenti tal-lokalità tal-Għarb u anke tal-irħula fil-viċin, is-Segretarjat ħass li din il-lokalità li għandha popolazzjoni kemmxejn adulta, ħaqqha li jkollha wkoll night shelter.

Apparti l-funzjoni tiegħu ta’ night shelter, Justyne Caruana qalet li dan il-post ser iservi wkoll ta’ Ċentru ta’ Anzjanità Attiva għall-matul il-jum, li jħaddan il-kunċetti ġodda tal-istrateġija tal-anzjanità attiva u b’hekk ikun qed jikkontribwixxi għal soċjetà aktar inklussiva u mgħallma.  Hija qalet li wara investiment fir-Rabat, Xewkija, Sannat u ż-Żebbuġ, issa kien imiss il-lokalità tal-Għarb biex tgawdi minn dawn is-servizzi.  F'dan iċ-Ċentru ser ikun hemm ukoll servizzi oħra li qed jiġu offruti għall-anzjani fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lil kull min kien strumentali għall-qbil ta’ bini mill-ġdid ta’ dan in-night shelter, fosthom is-sindku David Apap Agius u l-kumitat tal-Banda Viżitazzjoni tal-Għarb li kkollaboraw b’mod sħiħbiex dan il-proġett isir realtà.

More in Socjali