Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-EU Justice Scoreboard: Ċertifikat ieħor B’saħħtu

Dan il-Justice Scoreboard, li jieħu ritratt tal-qasam tal-Ġustizzja f’kull pajjiż membru tal-UE fis-sentejn ta’ qabel, jagħti stampa ċara ta’ fejn sejrin bħala pajjiż kemm mil-lat ta’ numri, kemm mil-lat ta’ kwalità u kemm mil-lat ta’ indipendenza tal-Ġudikatura

Ministru Owen Bonnici / 21 t'April 2017 18:33
Malta l-ewwel fl-Ewropa fir-rata ta’ żieda ta’ membri femminili fil-Ġudikatura
Jekk kien hemm bżonn ta’ ċertifikat ieħor fil-bidla qawwija għall-aħjar li qed isseħħ fejn tidħol il-ġlieda kontra d-dewmien fil-Qrati, dina ġiet bil-pubblikazzjoni tal-Justice Scoreboard li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea nhar it-Tnejn li għadda.

Dan il-Justice Scoreboard, li jieħu ritratt tal-qasam tal-Ġustizzja f’kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea fis-sentejn ta’ qabel, jagħti stampa ċara ta’ fejn sejrin bħala pajjiż kemm mil-lat ta’ numri, kemm mil-lat ta’ kwalità u kemm mil-lat ta’ indipendenza tal-Ġudikatura.

Dan il-Gvern ħadem f’kull qasam tas-settur tal-Ġustizzja, bil-prijorità numru wieħed tkun li jitkisser id-dewmien li kien qed itellef il-fiduċja ta’ ħafna nies fil-Qrati ta’ pajjiżna.

"Dan il-Gvern ħadem f’kull qasam tas-settur tal-Ġustizzja, bil-prijorità numru wieħed tkun li jitkisser id-dewmien li kien qed itellef il-fiduċja ta’ ħafna nies fil-Qrati ta’ pajjiżna"
Il-Justice Scoreboard li għadu kemm ħareġ jagħti stampa ċara kristall tal-avvanzi li għamel pajjiżna fil-qasam tal-Ġustizzja fejn jidħol id-dewmien. L-istatistika titkellem weħidha. Hemm baħar jaqsam bejn kif konna fl-2010 u fl-2012 u fejn aħna llum. Il-kawżi qed idumu inqas, il-clearance rate qed tissaħħaħ u l-ammont ta’ kawżi pendenti qed jonqos minkejja t-tkabbir ekonomiku u ċirkostanzi oħra (bħall-kwistjonijiet tal-liġi tal-familja) li waħidhom iżidu l-litigji.

Ta’ sodisfazzjon partikolari kien il-fatt li, pereżempju, fejn tidħol l-effiċjenza tal-kawżi amminsitrattivi pajjiżna jinsab l-aqwa fl-Ewropa meta sa ftit żmien ilu kien proprju fl-aħħar post. Naħseb ħadd ma kien jobsor li b’ħidma ffokata kien se jirnexxielna li fejn jidħol id-dewmien fil-kawżi nsiru l-aqwa fl-Ewropa f’kamp kruċjali tal-liġi ċivili iżda bis-saħħa ta’ ħidma ffokata rnexxielna.

Però r-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja mhijiex biss il-ġlieda kontra d-dewmien iżda anke l-kwalità u l-indipendenza tal-Ġudikatura.

Fejn tidħol il-kwalità kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li ġejna l-ewwel fl-Ewropa fejn tidħol ir-rata ta’ żieda ta’ membri femminili fil-Ġudikatura. Din hija xi ħaġa li turi kemm dan il-Gvern jemmen fiż-żieda ta’ nisa fl-iktar karigi importanti ta’ pajjiżna: mhux bħala xi token gesture iżda għaliex verament għax nemmnu fir-rwol kruċjali li n-nisa jaqdu fis-soċjetà, mhux l-inqas fil-Ġudikatura.

Infakkar li kien taħt din l-amministrazzjoni li nkitbet l-istorja meta kellna l-ewwel mara tippresedi ġuri kriminali.

Xi ġurnali ffokaw fuq il-bżonn li nsaħħu iktar ir-relazzjoni bejn il-Qrati u l-mezzi tax-xandir. Jiena nilqa’ b’idejja miftuħa d-dibattitu li jista’ jkun hemm fil-pajjiż f’dan is-sens u f’dan id-dibattitu huwa kruċjali li nżommu f’moħħna d-daqs tal-Qrati tal-pajjiżna u l-ħtieġa li l-ġudikanti jitħallew jagħmlu x-xogħol tagħhom b’serenità.

 

Indipendenza tal-Ġudikatura

L-indipendenza tal-Ġudikatura hija importanti daqs jekk mhux iktar mid-dewmien u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja għaliex hija l-pedament ta’ kollox.

F’dan il-Justice Scoreboard rajna riżultati pożittivi, speċjalment fejn tidħol il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-Ġudikatura fost il-kommunità tan-negozju. Meta tagħsar issib li hawn maġġoranza fil-pajjiż li jemmnu li l-Ġudikatura hija indipendenti u din hija xi ħaġa importanti u b’saħħitha.

"Ġejna l-ewwel fl-Ewropa fejn tidħol ir-rata ta’ żieda ta’ membri femminili fil-Ġudikatura. Din hija xi ħaġa li turi kemm dan il-Gvern jemmen fiż-żieda ta’ nisa fl-iktar karigi importanti ta’ pajjiżna"
Minn sentejn ilu ’l hawn, kif jaf kulħadd, għamilna emendi Kostituzzjonali bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra u li ġew imfaħħra mill-Organizzazzjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni li komplew isaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura.

Hija din il-bidla li qed indaħħlu f’pajjiżna, bidla mill-qiegħ li minnha jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

 

Il-ħidma tkompli

Il-ħidma mhijiex se tieqaf hawn – kemm fil-kamp ċivili (li huwa l-focus ewlieni tal-Justice Scoreboard tal-Unjoni Ewropea) u kemm fil-kamp kriminali li huwa għal qalbna ħafna għaliex jolqot is-sigurtà ta’ pajjiżna.

Għamilna ħafna iżda daqstant ieħor fadal ħafna xi jsir. Se nkomplu naħdmu bla nifs biex inkomplu nwettqu d-differenza fil-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin fis-settur tal-Ġustizzja.

 

Qasam delikat

Il-qasam tal-Ġustizzja huwa wieħed delikat immens għaliex min-natura tiegħu jwassal biex xi ħadd joħroġ tellief u xi ħadd joħroġ rebbieħ u terġa’, kif jaf kull avukat li pprattika l-Qorti, anke meta wieħed jirbaħ iħoss li ma rebaħx biżżejjed jew inkella li missu rebaħ qabel jew b’mod aħjar. Dan kollu jikkomplika ruħu meta jkun hemm kawżi jaħarqu li r-riżultat iħalli impatt anke politiku fejn partit jew ieħor jiġi affettwat. 

Mhux dejjem huwa faċli tikkonvinċi lill-bniedem tat-triq li meta wieħed ma jingħatax raġun mill-Qorti l-għaqal u l-maturità titlob li wieħed iżomm fiduċja sħiħa fir-retta amministrazzjoni tal-Ġustizzja.  Meta l-Gvern preżenti tilef kawżi jaħarqu quddiem l-ogħla Qrati ta’ pajjiżna żamm ir-rispett li għandu jintwera u baxxa rasu quddiem id-deċiżjonijiet.  

Dan juri kemm dan is-settur huwa delikat forsi iktar minn setturi oħra u trid attenzjoni liema bħalha. 

Kundizzjonijiet aħjar għad-deputati Reġistraturi

Kemm jien kuntent li fl-aħħar ġie ffirmat il-ftehim bejn il-UHM u t-tmexxija tal-Qorti li wassal biex, fost oħrajn, id-deputati Reġistrati gawdew minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impieg tagħhom.  Jien konvint li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim iktar persuni se jitħajru jsiru deputati Reġistraturi u b’hekk se tiżdied l-effiċjenza u l-qasam ikompli jimxi ’l quddiem. 

Bl-istess mod li sptar ma jistax jimxi jekk ma jkollux infermiera tajba u struwiti hekk ukoll il-Qorti ma tistax timxi ’l quddiem jekk ma jkollux cohort b’saħħtu ta’ deputati Reġistraturi.

Grazzi minn qalbi lill-ħaddiema kollha tal-Qorti tax-xogħol importanti li jwettqu

Puttinu

Kemm kienet attività sabiħa dik li ttellgħet il-ġimgħa li għaddiet fuq Xarabank meta nġabret somma ta’ iktar minn miljun Ewro li marret għal Puttinu. Din l-organizzazzjoni qed tagħmel xogħol imprezzabbli u l-poplu kollu jinsab grat għall-ġid kbir li jitwettaq.

Grazzi minn qalbi tal-ġenerożità li wera l-poplu Malti u Għawdxi.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook