Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Tifkira ta’ aktar minn 60 sena ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa...

Enemalta plc qed tagħmel stedina għall-inawgurazzjoni tal-mafkar MMXVII, l-akbar installazzjoni artistika permanenti f’Malta, b’tifkira ta’ aktar minn 60 sena ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa

18 t'April 2017 11:19
Ħaddiema ta’ Enemalta joħorġu waħda mit-turbini tal-Marsa Power Station sabiex tittieħed fil-post u titpoġġa f’parti mill-mafkar MMXVII.
Enemalta plc qed tistieden lill-klijenti tagħha għall-inawgurazzjoni tal-mafkar MMXVII, l-akbar installazzjoni artistika permanenti f’Malta, b’tifkira ta’ aktar minn 60 sena ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa.

Il-mafkar, li jinsab fi Triq Belt il-Ħażna biswit il-Marsa Power Station, ser jiġi inawguraw nhar il-Ħamis, 20 ta’ April, fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija (19:30), f’attività mtella’ bil-kollaborazzjoni tal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST). L-attività kommemorattiva tinkludi produzzjonijiet awdjoviżivi, wirjiet ta’ dwal u produzzjoni taż-żfin mill-istudenti tal-arti performattiva tal-Istitut għall-Arti Kreattiva.  

L-installazzjoni għolja tliet sulari ser tagħti tislima lill-ħaddiema li bnew, ħaddmu, rranġaw u żammew fi stat tajjeb it-turbini u l-boilers ta’ dan l-istazzjon sa mill-1953. Fl-istess waqt, il-mafkar huwa wkoll simbolu tal-iżvilupp tal-qasam tal-enerġija f’Malta, hekk kif matul l-2017 Enemalta ser tkun qed ittemm darba għal dejjem l-użu tal-heavy fuel oil (HFO) fil-ġenerazzjoni tal-elettriku sabiex minflok tadotta taħlita ġdida ta’ sorsi ta’ enerġija bbażata fuq impjanti b’emissjonijiet baxxi jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector u sorsi ta’ enerġija li tiġġedded. Bħala parti minn dan l-iżvilupp, ftit tal-ġimgħat ilu Enemalta plc qatgħet għal kollox il-Marsa Power Station mis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż, biex tiżżarma u twitti t-triq għar-riġenerazzjoni ta’ din il-parti tal-Port il-Kbir fil-Marsa.

Fl-2016, hekk kif beda jirranka x-xogħol ta’ żarmar tal-Marsa Power Station, Enemalta plc stiednet lill-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva biex iżuru l-istazzjon tal-Marsa u joħolqu installazzjoni artistika bl-użu ta’ diversi biċċiet tal-apparat li jinsab fl-istess stazzjon. Taħt il-gwida tal-għalliema tagħhom u bl-appoġġ tekniku tal-periti, l-inġiniera u t-tekniċi ta’ Enemalta, madwar 25 student biddlu l-istazzjon fi spazju ta’ kreattività u arti.

L-istudenti ħejjew għadd ta’ disinji differenti u ppreżentawhom lil bord ta’ ġurija magħmul minn impjegati ta’ Enemalta, fosthom ħaddiema tal-istess power station, artist rinomat fil-qasam tal-iskultura bil-metall u s-Sindku tal-Marsa. Tim ta’ studenti, għalliema u impjegati ta’ Enemalta komplew jelaboraw id-disinji magħżula waqt li ħejjew l-elementi kollha li jiffurmaw parti minn dan ix-xogħol artistiku. F’dawn l-aħħar ġimgħat, impjegati ta’ Enemalta bdew jarmaw l-installazzjoni fuq il-post maġenb iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku Marsa North, fi Triq Belt il-Ħażna. Enemalta għadha kif bniet dan iċ-ċentru biex jieħu post il-ħolqa ewlenija tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li tinsab fil-Marsa Power Station stess.

Studenti oħrajn mill-Istitut tal-Arti Kreattiva ukoll qed jieħdu sehem f’dan il-proġett. Studenti tad-disinn 3D għenu lil dawk tal-arti biex ħejjew il-pjanti u d-dehriet virtwali tal-proposti tagħhom waqt li studenti tal-media iddokumentaw din il-ħidma permezz ta’ ritratti u filmati. Studenti tal-arti performattiva ħejjew koreografija li ser tiġi ppreżentata waqt l-inawgurazzjoni ta’ din l-istruttura, nhar il-Ħamis, 20 ta’ April.

Il-Perit Godwin Agius, Enemalta plc, u Pierre Mifsud, mill-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, isegwu l-ħidma fuq il-biċċiet tal-ħadid li ntużaw fl-installazzjoni artistika fuq l-Għolja tal-Ġiżwiti, l-Marsa
Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, spjega li dan il-proġett artistiku jfakkar mument storiku fl-istorja ta’ Enemalta u tas-setur tal-enerġija f’Malta. “Bħala kumpanija, ftit tas-snin ilu ntrabatna li malli jkollha biżżejjed kapaċità alternattiva permezz tal-impjanti ġodda jaħdmu bil-gass naturali f’Delimara, il-Marsa Power Station ma tibqax cold standby għall-użu f’xi emerġenza iżda tiżżarma darba għal dejjem. Din il-mira qed tintlaħaq fl-2017, fl-erbgħin anniversarju mit-twaqqif ta’ Enemalta. Dan il-mafkar huwa simbolu ta’ dan l-iżvilupp importanti, żvilupp li qed iwassal għal ambjent aħjar b’arja aktar nadifa, għal aktar sigurtà, flessibilità u effiċċjenza fil-provvista tal-elettriku għall-klijenti tagħna, għal tariffi raġjonevoli u stabbli u għat-twaqqif ta’ settur tal-enerġija sostenibbli li jwieżen u jenerġizza l-iżvilupp ekonomiku f’pajjiżna, minflok jimmażrah.”     

  

Aktar tagħrif dwar Enemalta plc u MCAST jinsabu fis-siti www.enemalta.com.mt u www.mcast.edu.mt

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook