'Manoel Island għandha ssir park nazzjonali'

AD titlob investigazzjoni dwar ksur ta' kundizzjonijiet fil-kuntratt ta' Manoel Island

Iċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, qal, "Alternattiva Demokratika qiegħda titlob investigazzjoni sħiħa biex tindaga ksur ta' kundizzjonijiet fil-kuntratt ta' Manoel Island bejn il-Gvern Malti u l-Konsorzju tal-MIDI. Jekk xi kundizzjonijiet tal-kuntratt ġew miksura, il-gżira ta' Manoel għandha tintradd lura lill-Gvern Malti biex issir Park Nazzjonali."

"Fiċ-ċirkostanzi attwali, AD toġġezzjona bil-qawwa għall-proposta tal-iżviluppaturi ta' MIDI biex jiżviluppaw Manoel Island f'lukanda fil-Fortizza Manoel, f'kumpless kummerċjali u lukanda bil-casino fil-Lazzarett tas-seklu tmintax, fi ħwienet u appartamenti lussużi, helipad u marina għas-superyachts, waqt li jieħdu wkoll il-kosta fejn in-nies jgħumu taħt il-fortizza biex jibnu pontoon għall-'water taxis'. 

"L-iżviluppaturi tal-MIDI diġà għamlu biżżejjed ħsara billi rriduċew il-Ponta ta' Tigne' għal slum tal-konkrit. Aħna nibqgħu nsostnu li Manoel Island, l-uniku pulmun fiż-żona imniġġsa u b'konġestjoni tat-traffiku fin-naħat ta' Tas-Sliema u l-Gżira, għandha ssir park nazzjonali biex titgawda minn kulħadd".

More in Socjali