Aġġornata | Mhux se jkollha ssir l-operazzjoni ta' Bjorn li setgħet tfisser ħajja jew mewt

Bjorn Formosa jiddaħħal l-isptar sabiex issirlu operazzjoni, jirriżulta li mhux se jkollu bżonnha

Il-fundatur ta' ALS Malta Bjorn Formosa ddaħħal l-isptar għal operazzjoni tal-appendiċite, u sostna li għalkemm hija proċedura normali u pjuttost bażika f'każijiet komuni, għalih, din tista' tfisser ħajja jew mewt. Minkejja dan, ftit tal-ħin wara, Bjorn ħabbar li mhux se jkun qed jagħmel din il-proċedura hekk kif irriżulta li mhux se jkun hemm bżonnha.

"Meta l-affarijiet jidhru li sejrin ħażin, isir dak li ma kontx qed tistenna! Dejjem hemm post għall-affarijiet pożittivi, anke meta l-affarijiet jidhru li se jkunu sejrin għall-ħażin. Inkredibbilment, jidher li l-operazzjoni mhux se tkun qed issir," sostna Bjorn.

Iktar qabel, f'post fuq Facebook, Bjorn kien qal li mingħajr mistenni, kellu jiddaħħal l-isptar minħabba li kellu uġigħ kbir li rriżulta li kien każ ta' appendiċite. "Ifisser li jkolli nagħmel operazzjoni oħra taħt loppju totali. F'ċirkostanzi noramli, din hija proċedura sempliċi imma fil-kundizzjoni tiegħi, din issa hija kwistjoni ta' ħajja jew mewt."

Filwaqt li qal dan, mill-isptar Bjorn assigura lil kulħadd li l-ħidma fuq id-dar residenzjali għal min ibati bl-ALS tinsab għaddejja ġmielha, waqt li diversi helpers għadhom qed iduru u jiġbru d-donazzjonijiet tal-pubbliku li ġew offerti waqt il-programm Xarabank.

More in Socjali