Rotot ġodda ta' filgħaxija għat-trasport pubbliku

Is-servizz ta’ filgħaxija se jiżdied minn din il-ġimgħa

Malta Public Transport tħabbar li se tkompli żżid is-servizzi tar-rotot ta’ filgħaxija, hekk kif se tkun qed tintroduċi rotot ġodda kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd fuq ir-rotta popolari N13 minn nhar l-Erbgħa 22 ta’ Marzu 2017.

Ir-rotta N13 se tibda topera mill-Belt Valletta lejn San Ġiljan bejn il-23:30 u s-01:10 u minn San Ġiljan għal Belt Valletta bejn 23:50 u s-01:30 kull 20 minuta nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd filgħaxija. Din ir-rotta se tkompli topera bħas-soltu l-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija.

“Mill-kummenti li rċevejna mill-passiġġieri, qed nestendu l-iżjed rotta popolari ta’ filgħaxija għal erbat iljieli fil-ġimgħa,” spjega Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Dan huwa servizz li qed noffru lil hinn mill-obbligli kuntrattwali tagħna, bil-għan li noffru vjaġġar għal matul il-lejl ta’ valur għal flus lill-passiġġieri tagħna.”

Mhux se jkun hemm l-ebda’ bidla fir-rotot ta’ filgħaxija l-oħra: N11, bejn iċ-Ċirkewwa u San Ġiljan, N10 bejn San Ġiljan u l-lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiz; u N12 bejn San Ġiljan u l-lokalitajiet ċentrali.

Mhux se jkun hemm l-ebda’ bidla fin-noll għas-servizz ta’ filgħaxija, li huwa €3 għal biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozza tal-linja jew €2.50għall-passiġġieri li jużaw it-tallinja card.

Aktar informazzjoni fuq rotot u skedi tinstab fuq il-websajt ta’ Malta Public Transport (www.publictransport.com.mt). Infakkru lill-passiġġieri li l-ħin attwali, li jinkludi s-servizzi ta’ filgħaxija, huwa disponibbli fuq it-tallinja app, li tista’ titniżżel  b’xejn minn fuq l-App Store jew mill-Play Store. Il-passiġġieri li m’għandhomx smartphone jew konnessjoni tal-internet jistgħu jibagħtu SMS fuq 50611010 bl-isem tal-bus stop u jirċevu l-ħinijiet ta’ meta tkun ġejja l-karozza tal-linja.

More in Socjali