‘Il-privat jagħmel il-parkeġġi, mhux il-Gvern...’

Ebda pjan għal żieda fil-parkeġġi f’San Pawl il-Baħar minkejja l-previżjoni ta’ splużjoni fil-popolazzjoni

Bejn tlieta u ħames snin oħra, il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li tkopri Buġibba u l-Qawra fost l-oħrajn, mistennija tara żieda ta’ 15% fin-numru ta’ residenti li jgħixu fiha, jiġifieri aktar minn 3,000 persuna bil-possibbiltà tal-istess ammont f’żieda ta’ vetturi fit-toroq tagħha, kif ukoll qabża kbira fin-numru ta’ siti ta’ kostruzzjoni.

Iżda minkejja din iż-żieda, jidher li m’hemmx pjanijiet għall-parkeġġ.

Dan jirriżulta wara li l-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Transport Malta biex tistaqsi jekk hemmx xi pjanijiet lesti biex jilqgħu għal din iż-żieda kbira fin-numru tal-karozzi u jekk minn naħa ta’ TM, hemmx pjanijiet għal żieda fil-parkeġġi jew xi proġett ta’ parkeġġ kbir b’ħafna sulari. Transport Malta wieġbu li minkejja li huma jkunu kkonsultati meta jkun hemm proġetti kbar li jistgħu jħallu impatt fuq l-infrastruttura, “TM ma tagħmilx proġetti ta’ parkeġġ imma normalment ikun il-privat li jagħmel dan.”

Il-fatt li bħalissa m’hemm ebda pjan għall-kostruzzjoni ta’ xi parkeġġ kbir biex itaffi l-problema li se tinħoloq ftit taż-żmien ieħor, ġie kkonfermat ukoll mill-Kunsillier Laburista u eks sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Ray Tabone.

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, Tabone indika li fl-inħawi tal-Ponta tal-Qawra teżisti applikazzjoni mill-privat ta’ parkeġġ ta’ ħames sulari. Aktar minn hekk, Tabone indika wkoll li proġett propost minn wieħed mill-Kunsiliera preżenti, ġie abbandunat.

 

92 applikazzjoni, 1,085 residenza u 3,200 resident ġdid...

Iċ-ċifri msemmija, ħarġu f’rapport ippubblikat fil-ħarġa tal-5 ta’ Marzu tal-gazzetta ILLUM, fejn wara riċerka li din il-gazzetta għamlet fuq l-applikazzjonijiet tal-bini fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, irriżulta li bħalissa hemm 92 applikazzjoni għal residenzi ġodda, blokok ta’ appartamenti u maisonettes, li b’kollox se jżidu 1,085 residenza li permezz tagħhom tiżdied il-popolazzjoni b’madwar 3,200 resident ġdid.

B’din iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ resident, fissi jew permaneti, f’daqshekk qasir żmien, it-tħassib tar-residenti preżenti huwa kif din iż-żieda se taffetwa s-sitwazzjoni diġà prekarja tal-parkeġġ u t-traffiku fiż-żona.

Ray Tabone filwaqt li kkonferma dak li ppubblikat l-ILLUM, żied jgħid li saħansitra s-sitwazzjoni bħalissa diġà hija aktar gravi minn dik li juru ċ-ċifri, hekk kif fil-verità il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar hija ħafna ikbar mit-22,000 iddikjarati. Tabone spjega li n-numru ta’ residenti ddikjarati huma biss dawk imniżżla fir-reġistru tal-vot, mingħajr ma jingħaddu n-numru kbir ta’ barranin mhux reġistrati li qed jgħixu f’postijiet tal-kiri. “Fix-xitwa biss bħalissa, il-popolazzjoni tkun ikbar minn 34,000, aħseb u ara fis-sajf,” sostna Tabone.

...u 530 garaxx ġdid

Tajjeb li wieħed jinnota li fir-riċerka li saret mill-ILLUM, ġie nnutat li kważi l-applikazzjonijiet kollha kienu jinkludu garaxxijiet taħt il-livell tat-triq. Minn dawk l-applikazzjonijiet li fihom kien hemm iddikjarat in-numru ta’ garaxxijiet li se jinbnew, se jkun hemm madwar 530 garaxx ġdid. Dan huwa tajjeb, iżda x’aktarx xorta mhux biżżejjed biex ikopri l-influss ta’ madwar 3,000 karozza ġdida.

‘Galea m’għamlet xejn ġdid, aħna ħloqna 900 parkeġġ’

Fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda, L-ILLUM għamlet kuntatt mas-sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea, li nfurmat lil din il-gazzetta li total ta’ 65 parkeġġ ġdid ġew introdotti fil-lokalità, fit-tentattiv li tittaffa l-problema tal-parkeġġ. Għal darb’oħra, inizzjattiva tajba, iżda ’l bogħod mill-mira ta’ 3,000 karozza ġdida.

Mal-ILLUM, Ray Tabone sostna li “dak li qed titkellem dwaru Galea, mhu xejn ħdejn dak li kien inkiseb mill-kunsill preċedenti.” Huwa spjega li l-parkeġġi li nħolqu issa

mhumiex ġodda, iżda mittieħda minn parkeġġi eżistenti li qabel kienu riżervati għal persuni b’diżabbiltà quddiem darhom, kif ukoll ittieħdu postijiet minn kantunieri, bħalma sar f’Tas Sliema, Ħ’Attard, in-Naxxar u l-Birgu.

“M’għamlitx li għamilna aħna,” qal Tabone, “meta bi ftehim mal-Gvern, konna ħloqna 250 post ġdid wara li tnaddfet żona li kienet proprjetà tal-GO.”

Barra minn hekk, Tabone qal ukoll li l-Kunsill tiegħu kien għamel arranġamenti biex ix-xatt ta’ Buġibba jkollu postijiet għall-parkeġġ tulu kollu, u żieda ta’ postijiet mal-ġenb tal-lukanda Dolmen u diversi postijiet oħra. “B’kollox,” tenna Tabone, “żdiedu mad-900 parkeġġ.”

More in Socjali