II-Pulizija tintervjeni f’47 każ ta’ assenteiżmu

Dan minħabba 47 każ ta’ familji li ma kkoperawx mal-ħaddiema soċjali u l-iskejjel meta dawn pruvaw jagħmlu kuntatt magħhom minħabba li t-tfal ma attendewx skola...

Fis-sena skolastika li ninsabu fiha (2016/17), kien hemm 47 każ ta’ familji li ma kkoperawx mal-ħaddiema soċjali u l-iskejjel meta dawn pruvaw jagħmlu kuntatt magħhom minħabba li t-tfal ma attendewx skola. F’dawn il-każi, kellu jintalab l-intervent tal-Pulizija, li bħalma jiġri dejjem jgħinu f’dawn il-każi soċjali u kienu huma li marru fid-dar jitolbu lill-ġenituri biex jiftħu l-bieb lill-ħaddiema soċjali.

Mistoqsijin dwar it-tip ta’ każi soċjali li b’riżultat tagħhom it-tfal jispiċċaw ma jattendux skola, Sandra Cortis, Service Manager tal-Edukazzjoni għas-servizzi Psiko-Soċjali fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qalet lill-ILLUM li t-tip ta’ raġunijiet huma differenti u kumplessi, u li jistgħu jvarjaw minn problemi gravi daqs użu ta’ droga mill-ġenituri u problemi ta’ saħħa mentali min-naħa tal-ġenituri li xi ġranet lanqas ikollhom il-ħila jqumu mis-sodda biex jibagħtu t-tfal l-iskola.

 

Iktar minn 550% żieda f’ħaddiema soċjali inkarigati mill-assenteiżmu

Każi oħra li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema soċjali jkunu problemi relatati mal-faqar, fejn minħabba mistħija li jibagħatu t-tfal l-iskola b’uniformi mqatta’ jew ma jkollhomx flus biex jixtrulhom basket jew żarbun ġdid, uħud jippreferu ma jibagħtux it-tfal l-iskola.

Il-fatt li jsir intervent tal-Pulizija, jservi biex il-ġenituri jagħmlu l-ewwel pass biex jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni li permezz tiegħu, il-ħaddiema soċjali jkunu jistgħu jibdew jifhmu x’inhi r-raġuni wara l-assenteiżmu tat-tfal mill-iskola.

Illum, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qiegħed joffri ħafna għajnuna lil dawn il-familji, li f’numru ta’ każi tibda minn għajnuna lill-ġenituri. Ta’ min isemmi li biss biss, sal-2009 kien hemm biss tliet social workers inkarigati mill-assenteiżmu mentri llum, id-dipartiment għandu 20, li huma impjegati purament fuq assistenza dwar l-assenteiżmu fil-kulleġġi, bil-possibbiltà li jsegwu l-każi b’mod individwali.

In-numru ta’ ħaddiema soċjali żdied minn 3 għal 20
In-numru ta’ ħaddiema soċjali żdied minn 3 għal 20

“Sa tliet snin ilu, kien hemm ukoll inkonsistenza fil-proċeduri li bihom il-ġenituri jippreżentaw iċ-ċertifikati tat-tabib lill-iskejjel fil-ħin,” spjegat Maria Zahra, Principal Social Worker, li qalet li f’ħafna każi ta’ assenteiżmu, tiġi nnotata ripetizzjoni fil-mod kif jiġu preżentati ċ-ċertifikati lill-iskejjel, fejn jiġi nnotat assenteiżmu f’ċertu ġranet partikolari, jew bħal qisu kwota, tlett ijiem kull xahar. Zahra qalet li llum, l-iskejjel qed ikollhom aktar koperazzjoni minn naħa tat-tobba wkoll, li jinformawhom meta jinnotaw li qed jintalbu ċertifikati ta’ spiss għall-istess tfal fuq bażi regolari.

 

Ħafna mill-każi ta’ assenteiżmu huma minn tfal barranin

Filwaqt li ċ-ċifri wrew żieda fin-numru ta’ tfal li fallew l-iskola sa mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, numru sostanzjali ta’ dawn it-tfal kienu barranin, li filwaqt li isimhom ikun imniżżel fir-reġistri tal-iskejjel u għaldaqstant l-assenteiżmu tagħhom immarkat, l-iskola ma’ tkunx taf l-indirizz ta’ dawn it-tfal, kif tagħmel kuntatt mal-ġenituri tagħhom jew jekk biss għadhomx fir-raħal jew saħansitra fil-pajjiż.

Maria McNamara, Direttur Ġenerali tas-Servizzi tal-Edukazzjoni spjegat li din is-sena, mill-152 każ ta’ studenti li fallew aktar minn 90% tal-ġranet, 141 kienu barranin li r-reġistrazzjoni tagħhom u informazzjoni dwarhom ma kinetx waħda fissa. Filwaqt li dawn il-każi jżidu l-kwota u ċ-ċifri tal-assenteiżmu, sfortunatament huma ftit li xejn li l-ħaddiema soċjali jistgħu jagħmlu dwar dan.

 

‘L-istess għal kulħadd’ ma jaħdimx...

McNamara, Cortis u Zahra spjegaw ukoll li minbarra każi soċjali relatati mal-ġenituri li minħabba fihom tfal mhux jintbagħtu skola, jeżistu wkoll każi, speċjalment fuq livell sekondarju, fejn studenti jfallu l-iskola għax ma jħossux li s-suġġetti u s-sillabu provdut huwa tajjeb għalihom. Dawn huma każi li juru li s-sistema edukattiva tagħna ta’ ‘one size fits all’ ma taħdimx għal ħafna studenti li fil-livell sekondarju ma jħossuhomx li s-suġġetti akkademiċi offruti mill-iskola huma tajbin għalihom, jew li huma mhux tajbin għas-suġġetti.

Dan iwassal biex dawn l-istudenti jitilfu l-interess u l-motivazzjoni fl-iskola u għaldaqstant ifallu.

 

Ix-xogħol li qed isir issa, se jħalli frott fil-futur

Wara studju dwar dan, li sar bejn l-2013 u l-2014, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni introduċa fl-iskejjel sekondarji programm ta’ tagħlim alternattiv bil-għan li jagħti sodisfazzjon u kuntentizza fl-istudju lill-istudenti kollha, u b’hekk jiżdied l-interess fl-iskola u jonqos l-assenteiżmu.

Permezz ta’ dan il-programm, ġew introdotti fl-iskejjel suġġetti vokazzjonali (Alternative Learning Program) li jkunu aktar addattati għal studenti li mhux kapaċi daqs oħrajn f’suġġetti akkademiċi, iżda li jkunu tajbin f’arti, snajja’ u tagħlim relatat ma’ xogħol manwali.

Biex din is-sistema taħdem aħjar, sa mill-2009, għall-ewwel darba f’Malta id-Dipartiment issa għandu councellors soċjali u oħrajn iffukati direttament fuq il-karrieri, li jkunu specjalizzati u kwalifikati biex jevalwaw l-aħjar għażliet ta’ suġġetti għat-tfal, li fl-aħħar mill-aħħar se jeffetwaw direttament il-karriera futura ta’ dawn it-tfal.

Id-Direttur Ġenerali tas-Servizzi tal-Edukazzjoni temmet tgħid li x-xogħol li qiegħed isir issa, se jħalli l-frott tiegħu ’l quddiem. Fil-każ tal-istudenti tas-sekondarja, għajnuna fid-diversità tas-suġġetti se tgħinhom ikollhom għażliet iktar siewja għalihom fil-futur. Fil-każ tat-tfal tal-primarja, l-għan tal-għajnuna mill-ħaddiema soċjali se jkollu riżultati fil-futur hekk kif it-tfal ma jġorrux il-mentalità tal-assenteiżmu magħhom fil-ħajja skolastika, u fil-futur f’dik tax-xogħol tagħhom.

McNamara temmet tgħid li s-suċċess tax-xogħol li qiegħed isir bħalissa jseħħ meta t-tfal u l-ġenituri jibdew jagħrfu aktar l-importanza tal-edukazzjoni u tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-ġenituri, il-ħaddiema soċjali u l-iskejjel.

More in Socjali