Filmat | Fdalijiet ta' bastiment imkisser jittellgħu l-art f'Birżebbuġa

Biċċiet minn bastiment li tkisser waqt Maltempata kbira fl-aħħar tas-sena li għaddiet, ittellgħu f’Birżebbuġa

Fil-ġranet li għaddew, ħaddiema mid-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kienu involuti f’biċċa xogħol mhux faċli f’Birżebbuġa, fejn neħħew minn mal-kosta biċċiet imkissrin minn bastiment kbir li daħal fuq il-kosta, wara li dan kien tkisser bil-mewġ f'Maltempata kbira li ħakkmet il-bajja fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Jinhad li l-bastiment antik, kien permanentament ankrat u li ġo fih kien jgħix raġel.

 

Għal din l-operazzjoni li damet għaddejja matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, kellu jinkera makkinarju apposta minħabba t-toqol tal-biċċiet tal-bastiment. Barra minn hekk, kien hemm bżonn ukoll is-servizz ta’ bugħaddas li huwa ħaddiem mad-Direttorat stess.

Il-biċċiet tal-bastiment tneħħew mill-bajja ta’ San Ġorġ, kif ukoll miż-żona ta’ fejn hemm il-monument li jfakkar is-summit bejn Bush u Gorbachev.

Wara li tneħħew mill-baħar, il-biċċiet ittellgħu fit-triq, li nżammet magħluqa għat-traffiku. Imbagħad dawn il-biċċiet tkissru f’biċċiet iżgħar biex setgħu jitgħabbew fuq trakk.

Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ħa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà matul din l-operazzjoni u kien hemm ukoll l-assistenza mill-Pulizija biex jgħinu fl-immaniġġjar tat-traffiku.

More in Socjali