Proġett ta’ Valletta 2018 jibdel l-inħawi tad-Duwi Balli għall-Karnival

'Ġewwa Barra', proġett tal-komunità li għaddej bħalissa ta’ V18 flimkien mar-residenti tal-Belt Valletta, jinkludi programm ta’ attivitajiet imfassla għal żmien il-Karnival

Fis-26 ta’ Frar, l-esperjenzi tar-residenti tad-Duwi Balli se jiġu rrakkuntati permezz tar-ritratti ta’ Osea Tabone li tgħix il-Belt Valletta u l-istejjer tal-kittieb lokali żagħżugħ Jean Paul Borg waqt avveniment li se jsir fi Triq it-Taraġ fl-inħawi tad-Duwi Balli fit-8.30pm.

Minn mindu kienet żgħira, Tabone għexet it-tradizzjonijiet tal-karnival fl-inħawi tad-Duwi Balli u tagħraf il-kultura mlewna tiegħu. Min-naħa l-oħra, Borg għandu passjoni għad-diversità umana u għal stejjer li jiġu mill-esperjenzi ta’ komunitajiet emarġinati. L-istejjer li ġew żviluppati għal dan l-avveniment huma ispirati mir-ritratti ta’ Tabone u l-istejjer tar-residenti.

Fis-27 ta’ Frar, fl-istess inħawi, wieħed se jkun jista’ jara wkoll il-maskaruni u ż-żfin tal-karnival. Se jkun hemm ukoll tiżjin tal-festa marbut mal-karnival mill-artista Taljana li tgħix Pariġi, Federica Terracina, li tispeċjalizza fil-qasam tat-tiżjin. Se tkun qed tikkollabora wkoll ma’ personaġġ ċentrali tal-komunità u veteran tal-Karnival, Godwin Scerri, flimkien mar-residenti ta’ Triq it-Taraġ fid-Duwi Balli. Terracina ħadmet fuq diversi proġetti artistiċi tal-komunità u tuża d-drapp u materjal ieħor biex toħloq mill-ġdid drawwiet, kostumi u ambjenti li jkunu addattati għall-komunitajiet li tkun qed taħdem magħhom, filwaqt li Scerri kien ta’ gwida għal għadd ta’ nies dwar it-tradizzjonijiet lokali tal-karnival.

Fejn is-soltu ċ-ċelebrazzjonijiet brijjużi tal-karnival isiru fin-naħa ta’ fuq tal-Belt Valletta, l-avvenimenti ta’ 'Ġewwa Barra' se jressqu din l-atmosfera lejn inħawi li ilhom ħafna magħrufa li jħaddnu komunità ta’ artisti u dilettanti tal-karnival. 

'Ġewwa Barra' jagħti l-opportunità lir-residenti tal-Belt Valletta biex, permezz ta’ għodod artistiċi, jimpenjaw ruħhom b’mod sħiħ u b’responsabbiltà fit-tibdiliet ekonomiċi, soċjali u kulturali li qed iseħħu fil-belt tagħhom. L-attivitajiet tal-karnival huma parti mill-ewwel stadju tal-proġett Taraġ.  

More in Socjali