Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Mal-1,000 speċi ta’ ħuta aljena fl-ibħra ta’ madwarna

Uħud mill-ispeċi huma saħansitra valenużi u perikolużi li wieħed jaqbadhom jew jikkunsmahom

Veronica Lynn Mizzi / 17 ta' Frar 2017 08:15
Il-baħar Mediterran li jdawwar il-gżira tagħna huwa d-dar għal iktar minn 1,000 speċi ta’ ħut li l-ambjent oriġinali tagħhom mhuwiex dan il-baħar jew reġjun. Fil-fatt, tul is-snin, permezz ta’ diversi mezzi u attivitajiet tal-bniedem, dawn l-ispeċi rnexxielhom isibu posthom madwarna.

Fil-fatt, il-biologa tal-konservazzjoni fl-Università ta’ Malta, Dr. Adriana Vella spjegat mal-ILLUM li matul is-snin, dawn l-ispeċi ta’ ħut daħlu permezz ta’ diversi attivitajiet umani, fosthom il-bastimenti u l-cruise liners li jivvjaġġaw minn baħar għall-ieħor, l-akwakultura u n-negozju tal-akwarji. Vella żiedet tgħid li fattur ieħor li kien determinanti fid-dħul ta’ dawn l-ispeċi kollha kien il-ftuħ u eventwalment anke t-tkabbir tal-Kanal ta’ Swejż li għaqqad il-Mediterran mal-Baħar l-Aħmar, u anke minħabba t-tibdil fil-klima.

F’kummenti li għaddiet lil din il-gazzetta, Vella li tmexxi l-Grupp ta’ Riċerka ta’ Konservazzjoni Bioloġika fi ħdan l-Università ta’ Malta qalet li dawn il-ħut ġew skoperti permezz ta’ riċerka li saret, li ħadet ħafna sigħat ta’ analiżi u stħarriġ fuq il-baħar fost l-oħrajn.

Meta mistoqsija dwar it-tipi differenti ta’ speċi li qed jiġu introdotti fil-baħar Mediterran, Dr. Vella sostniet li l-aħħar speċi li nstabet kienet iktar kmieni fis-sajf tas-sena li għaddiet, meta kienet instabet il-ħuta magħrufa bħala ‘Squirrelfish’. Żiedet tgħid li wħud mill-ispeċi misjuba jistgħu fil-fatt ikunu ta’ periklu kemm għal speċi ta’ ħut oħra, kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Fil-fatt, spjegat li speċi bħall-‘Pufferfish’ u l-‘Lionfish’ huma perikolużi u valenużi sabiex wieħed jaqbadhom jew jikkonsma.

Vella saħqet li r-riċerka li qed jagħmel dan il-grupp, fil-fatt wassal għall-iskoperta ta’ għadd ta’ speċi ġodda, li ħafna minn dawn, mhux biss kien l-ewwel rekord tagħhom lokalment, iżda anke l-ewwel li ntlemħu fil-baħar Mediterran.

Il-biologa kompliet tispjega li dawn l-ispeċi ġodda ta’ ħut m’għandhomx jiġu indirizzati waħedhom biss, iżda jeħtieġ li jittieħdu wkoll fil-kuntest li qegħdin jgħixu fih. Fil-fatt, tkompli tispjega li l-ispeċi lokali jista’ jkun li huma taħt theddida jew tal-inqas jaffaċċjaw sitwazzjonijiet problematiċi minħabba l-kompetizzjoni għall-ispazju u l-abitat, li eventwalment jistgħu wkoll iwasslu għal bidliet fit-tul tal-komunitajiet marini lokali, ġaladarba l-ispeċi aljeni jsibu posthom u jistabbilixxu ruħhom fl-ibħra tagħna.

Għaldaqstant, minħabba f’hekk, il-grupp ta’ riċerka jinsab għaddej b’ħidma sabiex jistudja aktar mill-qrib l-ispeċi lokali u jidentifika l-bżonnijiet tal-ispeċi lokali sabiex jiġu kkonservati bl-aħjar mod. Il-grupp jinsab għaddej b’riċerka wkoll sabiex jara kif l-attivitajiet tal-bniedem se jkomplu jaffetwaw il-futur ta’ dawn l-ispeċi. Din ir-riċerka, tkompli tgħid Dr. Vella, twassal sabiex tiġi akkwistata biżżejjed informazzjoni u aġġornamenti sabiex tittieħed azzjoni u taddatta għaċ-ċirkostanzi li jistgħu eventwalment jaffetwaw lill-popolazzjoni.

Dr. Adriana Vella ttemm tgħid li l-grupp ta’ riċerka li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha jaħdem ukoll mill-qrib ma’ sajjieda u persuni oħra li jagħmlu użu mill-ibħra ta’ madwarna, sabiex jaċċertaw li l-informazzjoni u t-tagħrif dwar l-ispeċi jkun mgħoddi bejn iż-żewġ entitajiet, b’iktar faċilità, u anke jiġu promossi prattiċi ta’ sajd sostenibbli, fost l-oħrajn.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook