Kontro-Protest kontra Life Network Foundation... 'il-morning-after pill mhux abortiva'

L-Awtorità dwar il-Mediċini għamelt kontro-protest fir-rigward tal-protest ġudizzjarju li nfetaħ kontrihom mill-'Life Network Foundation' hekk kif issostni li l-morning-after pill mhux abortiva, anzi tnaqqas l-inċidenzi li jsir abort

L-Awtorità dwar il-Mediċini għamelt kontro-protest fir-rigward tal-protest ġudizzjarju li nfetaħ aktar kmieni kontrihom mill-"Life Network Foundation", irrapreżentata minn Dr. Miriam Sciberras u Dr. Klaus Vella Bardon, fejn fih intalbet azzjoni kontra l-bejgħ legali tal-morning after pill , li skont huma hija abortivab'rakkomandazzjoni li kull tabib, kirurgu, ostetriku jew spiżjar li jkun irakkomanda jew bie, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ ħabs u l-interdizzjoni perpetwa mill-eżercizzju tal-professjoni tiegħu.

Fil-kontro-protest, l-Awtorità dwar il-Mediċini tispjega li l-morning-after pill ellaOne, li saret disponibbli f'xi farmaċiji f'Malta fix-xhur li għaddew, taħdem fuq prinċipju li assolutament m'huwiex abortiv, minħabba l-fatt li l-pillola ellaOne taħdem billi tittardja l-ovulazzjoni u jekk tittieħed immedjatament wara rapport sesswali, il-pillola tevita kull forma ta' konċepiment, u li allura tagħmilha kontraċettiva.

L-Awtorità dwar il-Mediċina iċċarat ukoll il-fatt li l-preżenza ta' dan il-kontraċettiv ta' emerġenza fil-pajjiż, disponibbli mingħajr bżonn ta' riċetta, ma tagħtix lok għal abort, iżda tipprovdi mezz li mhux abortiv biex propjament jitnaqqsu n-numru ta' inċidenzi ta' abort. Għalhekk, issostni L-Awtorità dwar il-Mediċina, wieħed ikun qed jonqos jekk jiġi mċaħħad l-aċċess għal din il-mediċina.

Il-kontro-protest isemmi wkoll li l-ellaOne hija liċenzjata ċentralment taħt id-dritt tal-UE, u peress li L-Awtorità dwar il-Mediċina m'għandha ebda indikazzjoni li din il-pillola hija abortiva, u peress li Malta m'hawn liġi kontra l-kontraċezzjoni, allura m'hemm ebda fatt jew dritt li jiġġustifika li l-morning-after pill tat-tip ellaOne tinżamm milli tidħol u tinbiegħ Malta.

Għaldaqstant, L-Awtorità dwar il-Mediċina issostni li l-allegat fil-protest li fetħu "Life Network Foundation" huwa infondat u li huwa fl-interess tal-publiku li l-kontraċettiv ta' emerġenza jibqa' disponibbli liberament minn spiżeriji u li l-professjonisti li jirrakkomandaw jew ibiegħu dan il-prodott ma' jkunu qatt meqjusa li qegħdin jiksru ebda liġi.

More in Socjali