Minn miżbla se ssir produttriċi ta' enerġija nadifa...

Parti mill-eks miżbla tal-magħtab se tiġi mibdula f'solar farm b'22,000 pannella li se jiġġeneraw enerġija nadifa għal 850 dar

22,000 pannella solari fil-magħtab se jkunu qed jiġġeneraw enerġija għal 850 dar
22,000 pannella solari fil-magħtab se jkunu qed jiġġeneraw enerġija għal 850 dar

Parti mis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-magħtab, li għal dawn l-aħħar snin ilu għaddej minn proġett ta' riabilitazzjoni, se jiġi mibdul f' "solar farm" b'22,000 pannella solari, li se jkopru arja kbira daqs ħames grawnds tal-futbol, u se jkollhom il-kapaċità li jipproduċu enerġija nadifa bizżejjed biex tissupplixxi 850 dar.

Din l-installazzjoni ta' pannelli solari fuq medda t'art ta' 36,000 metru kwadru; 14% tal-magħtab kollhu,  se tkun l-ikbar installazzjoni solari ta' Malta. L-art magħżula biex jitpoġġew fiha dawn il-pannelli kienet oriġinarjament maħsuba biex fiha jitħawlu numru ta' siġar u pjanti indiġeni, biex jgħinu fit-tnaqqis tal-kimika li kienet ġiet prodotta mill-miżbla qabel l-2009, meta l-magħtab ma baqax jintuża bħala miżbla u bdew ix-xogħolijiet ta' riġenerazzjoni fuq is-sit.

Minkejja is-36,000 metru kwadru li se jokkupaw dawn il-pannelli, l-enerġija li se jipproduċu se tkun ferm inqas minn dik li kieku kien se jipproduċi l-"wind farm"  li kien propost għaż-żona viċin is-Sikka l-Bajda, li bħala proġett ġie skartat fl-2015 minħabba l-impatti li kien se jħalli fuq il-veduta u fuq fuq xi kolonji ta' għasafar.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Gvern iffoka aktar fuq l-enerġija solari, milli dik tar-riħ bħala s-sorsa ta' enerġija alternattiva u nadifa, li permezz tagħha qed jipprova jilħaq il-mira ta' produzzjoni ta' 10% tal-enerġija kollha sal-2020.

More in Socjali