'Min jirrakkomanda jew ibiegħ il-morning-after pill għandu jeħel il-ħabs...'

Il-'Life Network Foundation' jemmnu li l-għotja tal-permess għall-'morning-after pill' hija ksur ta' liġi li twassal għal abort... u min jikser din il-liġi ħaqqu l-ħabs

Il-"Life Network Foundation", irrapreżentata minn Dr. Miriam Sciberras u Dr. Klaus Vella Bardon, fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Professur Anthony Serracino Inglott, iċ-Chairman ta’ l-Awtorità dwar il-Mediċini u l-istess Awtorità minħabba li sostnew li bl-għotja tal-permess biex il-'morning-after pill' tkun disponibbli fil-farmaċiji mingħajr bżonn ta' riċetta, l-Awtorità dwar il-Medicini qiegħda tippermetti l-introduzzjoni ta’ pilloli li jistgħu jikkawzaw abort kimiku, li permezz tiegħu jiġi maqtul direttament l-embrijun jew jitlef ħajtu billi ma jitħalliex jimpjanta fil-ġuf ta’ ommu. Skont il-"Life Network Foundation", dan huwa reat skont il-Kodici Kriminali ta’ pajjiżna.

Il-"Life Network Foundation" sostnew ukoll li bid-deċiżjoni tagħha li tippermetti l-importazzjoni u tixrid tal-“Morning After Pill” f’pajjiżna, l-Awtorità dwar il-Mediċini ġabet fix-xejn ir-Rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Kumitat Konġunt tal-Parlament.

Il-punt imqajjem miż-żewġ tobba kien li l-għan aħħari tal-“Morning After Pill” huwa li ma tirriżultax tqala. Dan permezz ta’ mekkaniżmu li ħafna drabi jista' wkoll ikun abortiv meta tkun saret fertilizzazjoni. Dan permezz li ma jħallix embrijun jiġi impjantat fil-ġuf.  Skont Il-"Life Network Foundation", dan ifisser li l-“Morning After Pill” m’hijiex kontraċettiv fis-sens ordinarju tal-kelma, jiġifieri metodu li jipprevjeni l-konċepiment, iżda huwa metodu li jista' wkoll jikkawza l-abort billi jeqred, fi stadji bikrija, l-ħajja umana fil-ġuf.

Għaldaqstant, il-"Life Network Foundation" fetħu dan il-protest ġudizzjarju sabiex "l-Awtorità tal-Mediċini toħroġ il-liċenzja ta’ dawn il-prodotti mediċinali jekk jirriżultalha li mhumiex abortivi skont il-liġi ta’ Malta.”

Il-punt imqajjem mill-fondazzjoni huwa li skont il-liġi ta’ pajjiżna, kull intervent li jwaqqaf il-proċess wara li tkun seħħet il-fertilizzazzjoni jammonta għal ‘induced miscarriage’, jiġifieri, abort.  

Allura, l-opinjoni tal-'Life Network Foundation' hija li l-Kodiċi Kriminali ta’ Malta jgħid li kull tabib, kirurgu, ostetriku jew spiżjar illi xjentement ikun wera jew ta l-mezzi li jkunu jikkaġunaw l-abort, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ ħabs minn 18-il xahar sa 4 snin u l-piena tal-interdizzjoni perpetwa mill-eżercizzju tal-professjoni tiegħu.

More in Socjali