VOX POP | L-Abort... dritt ta’ min ?

L-abort għandu jkun deċiżjoni personali tal-mara, jew jibqa’ illegali bil-liġi ? L-ILLUM tistaqsi lin-nisa...

Il-ġimgħa li għaddiet reġgħet qamet din il-kontroversja eterna dwar ta’ min hu d-dritt li jiddeċiedi dwar l-abort, jekk hux il-mara, jew l-istat.

L-Abort... dritt ta’ min | Filmat - James Bianchi

Il-kwistjoni reġgħet spiċċat fuq fomm kullħadd wara li l-kandidat Nazzjonalista, Salvu Mallia qal f’intervista li 'L-abort huwa dritt tal-mara... il-politiku m'għandux jindaħal'

Mallia, bħal forsi ħafna Maltin oħra li jaħsbuha bħalu, qal li personalment, huwa kontra l-abort, imma jħoss li dan għandu jkun l-għażla personali tal-individwu, mhux tal-Gvern.

U l-argumenti dwar l-abort ma jieqfu qatt. Dawk li huma kontra jgħidu li kull ħajja hija sagra u għandha tingħata l-opportunità tibda u tiżvolġi. Dawk li jemmnu li għandha tkun għażla personali jużaw eżempji bħal tqala b’riżultat ta’ stupru, jew inkella provi mediċi li t-tarbija se titwieled b’xi kundizzjoni medika jew b’diżabbiltà severa biex jiġġustifikaw abort.

L-ILLUM marret Raħal Ġdid u staqsiet numru ta’ nisa dwar jekk jaħsbux li isirx abort għandiex tkun għażla personali tal-mara, jew waħda deċiża mill-Istat.

 

Christina Zerafa minn Marsaxlokk

Iva, l-abort għandu jkun għażla tal-mara, hekk kif ħadd m’għandu jieħu deċiżjoni għall-mara li tkun waqgħet f’ċerti sitwazzjonijiet... Minkejja dan, l-abort m’għandux ikun l-ewwel soluzzjoni. Bħala legalità iżda, xorta nemmen li m’għandux għalfejn jiġi xi ħadd jieħu deċiżjoni għalija. Naħseb għandi biżżejjed żmien u sens biex nieħu deċiżjoni għal għemili u l-konsegwenzi.

 

Kimberly Saliba mill-Imsida

Le, jien nemmen li l-abort għandu jkun illegali, jiġri x’jiġri. M’għandux isir.

 

Josephine Mallia minn Raħal Ġdid

Naħseb li l-abort għandu jkun xi ħaġa illegali. L-abort m’għandu jkun aċċettabli qatt, għalina li aħna kattoliċi speċjalment. Din mhux kwistjoni ta’ għażla, għandu jkun illegali.

 

Doris Fiott miż-Żurrieq

L-abort m’għandux ikun legali, b’ebda mod. Għalija ċara...“Le għall-abort!”

 

Marie Louise Calleja mill-Gudja

Għandu jkun għażla tal-mara, legali u f’idejn il-kuxjenza ta’ dik li tkun fis-sitwazzjoni. Suppost il-mara għandha tiddeċiedi, u ngħid dan avolja jiena personalment kontra li jsir l-abort.

 

Mary Borg Busuttil minn Raħal Ġdid

Jien għalija m’għandux ikun legali għax bħal ma rrid jien li jkolli l-ħajja, nixtieq li t-tfal li għandhom jitwieldu tingħatalhom din l-opportunità. Għaliex għandu xi ħadd ineħħi din l-opportunità ? Fl-istorja kien hawn nies importanti li ommhom kienet se tagħmel abort imbagħd reġa’ bdiela. Bħat-tenur Bocelli li kienu qalu lil ommu li mhux se jitwieled tajjeb, biex ara meta twieled, kemm għamel affarijiet kbar f’ħajtu. Għaliex għandha titneħħa ħajja ? ħaqqa ċans. M’għandux għalfejn isir qtil. Bl-istess mod bħall-ewtanażja, irid jingħata ċ-ċans, kemm għall-ħajja biex tibda, kif ukoll biex ma tispiċċax.

 

Yasmine Ellul minn Marsaxlokk

Definittivament għandha tkun għażla personali tal-mara, għax il-mara għandha d-dritt tagħżel xi trid tagħmel hi b’ħajjitha.

More in Socjali