Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Lino Bugeja: 'Raġel li ħabb lil pajjiżu, l-isports u l-istorja'

Il-Liċeo, il-Hibs, Fr. Hilary Tagliaferro, Joe Quattromani u l-ambjent...kollha parti minn tribut tan-neputi ta' Lino Bugeja -  Fr. Hermann Duncan - fil-jum ta' mewtu

Fr.Hermann Duncan / 10 ta' Jannar 2017 16:47
Lino Bugeja - Sportiv, storiku, ambjentalist
Illum b’dispjaċir kbir għadda għall-ħajja ta’ dejjem raġel li għamel ġieħ kbir lill-Malta. Bħalha neputi ta’ Lino Bugeja ġejt mitlub biex nikteb xi haġa dwaru. Mhux sew li bniedem joqgħod jiftaħar bil-familja tiegħu, imma la ġejt mqabbad ħa nagħmel hekk bil-qalb kollha.

Lino Bugeja twieled il-Birgu fl-10 ta’ Frar 1930, minn Emanuel Bugeja u Rosina mwielda Fenech. Kellu żewġ ħutu, Marianne u Hilda li tiġi l-mama tiegħi. Huwa kien miżżewweġ lill-Adelgisa Bugeja mwielda Grasso li issa ilha ftit żmien li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Huma kellhom żewġ ulied Christopher u Nadia.

Lino studja ġewwa l-Liċeo u aktar tard fil-kulleġġ tal-edukazzjoni ta’ Malta, fejn ġie ikkwalifikat bħalha għalliem fis-sena 1949. Wara ftit mar jistudja barra. Tajjeb li ngħidu li barra li kien għalliem kien ukoll kap ta’ diversi skejjel tal-gvern. Għall-xi żmien għallem ukoll fl-universita ta’ Malta.

L-isports kien ħafna għall-qalb iz-ziju Lino, infatti kien sar iċ-Champion Nazzjonali fl-400 u fit-800 metru, u għall-ħafna snin żamm ir-rekord nazzjonali tal-400m. Ftit wara daħal fil-qasam tal-futbol u sar kowċ tal-Hibernians FC fejn jibqa magħruf  għad-draw (0-0) kontra l-Manchester United fi rawnd storiku taċ-Champions League fl-1967. Iktar tard, flimkien ma’ Patri Hilary Tagliaferro OSA, fl-1972, waqqfu iċ-Ċentru Sportiv Edukattiv. Mis-sena 1972 sas-sena 1980 huwa kellu l-kariga ta’ segretarju ġenerali tal-kumitat Olimpiku Malti. Ħames snin wara sar l-ewwel direttur tal-Akkademja Olimpiku Malti u fl-2008 ġie mdaħħal fil-‘Hall of fame’ tal-kumitat Olimpiku Malti.

Lino kien ukoll wieħed mill-ambjentalisti l-aktar magħruf fil-gżejjer tagħna u kien wieħed minn ta’ l-ewwel li għaraf li l-aċċess għall-kampanja kienet qegħda tonqos għall-pubbliku. Fl-2005, fuq inizjattiva tiegħu, għaqqad l-imħabba tiegħu lejn l-isport u x-xewqa biex jiġi mħares l-ambjent għat-tgawdija ta’ kulħadd, u flimkien ma’ oħrajn waqqaf l-Assocjazjoni tar-Ramblers ta’ Malta li fis-sena 2010 kien sar il-president onorarju tagħha.

Huwa kien mogħti il-ġieħ ta’ ‘Croce dell'Ordine al Meritor Melitense’ mill-Ordni Militari Sovran ta' Malta fl-2003, u fl-2013 bħalha rikonnoximent tal-ħidma tiegħu l-gvern Malti taħ Ġieħ ir-Repubblika. 

Iz-ziju Lino kien l-awtur ta' bosta kitbiet u artikli dwar l-istorja, l-kultura, l-isports, l-edukazzjoni u anke dwar suġġetti oħra bħalma hu l-ambjent. L-artikli tiegħu fil-gażżetti lokali kienu mfittxija minn-ħafna nies. Qala diversi premji matul il-ħajja ġurnalistika tiegħu, fosthom il-premju tal-ġurnaliżmu fl-isport fl-2004, u l-premju IĠM li qala s-sena l-oħra għall-ġurnaliżmu dwar il-kultura. Fost il-kitbiet personali tiegħu nsibu dawn:  'Vittoriosa, An Ancient City of Culture' ktieb ta’ żewġ volume, 'AGON, Ġabra ta' Studji dwar l-Isport matul iż-żmien' u ktieb li ġie ppublikat dan l-aħħar 'A Maltese Odyssey, The Historical, Artistic and Architectural Heritage of the Maltese Islands'.

Tajjeb li ngħidu liz-ziju kellu mħabba kbira għall-Birgu u l-istorja tiegħu. Infatti f’ħafna mill- ħarġiet tal-festa tal-parroċċa ta’ San Lawrenz kont ssib xi artiklu tiegħu. Saħansitra f’Novembru tal-2014, kien dawwar il-Princep William madwar il-knisja Kolleġjata ta’ San Lawrenz il-Birgu għall-anniversarju tal-50 sena tal-Indipendenza ta’ Malta. 

Ftit ilu kellu programm dwar l-istorja fuq Radju Marija flimkien ma’ Joe Quattromani.

J’Alla dan il-patrimonju ma’ jitħalliex iżda jkun hemm xi ħadd li jkomplih. Nitolbu l-Mulej biex jagħti z-ziju Lino l-premju tal-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ San Lawrenz li tant kien iħobb.
 

Segwina fuq Facebook