Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

La tajjeb u lanqas ħażin, u l-istess bħas-sena l-oħra

Stħarriġ mill-GRTU mistenni juri li n-negozju fl-istaġun tal-Milied kien 'mhux ħażin' ... l-ILLUM marret Raħal Ġdid u staqsiet lil tal-ħwienet dwar l-andament tan-negozju f'Diċembru

Veronica Lynn Mizzi / 8 ta' Jannar 2017 14:16
Kollox jindika li l-istaġun tal-festi, għall-ħwienet tal-ħwejjeġ u ż-żraben madwar il-pajjiż, la kien wieħed eċċezzjonali, u lanqas kien wieħed diżastruż. L-ILLUM tista’ tiżvela kif l-istħarriġ annwali li jsir mill-GRTU dwar il-bejgħ matul Diċembru, mistenni juri li l-maġġoranza tas-sidien tal-ħwienet, la rreġistraw titjib u lanqas tnaqqis fil-bejgħ meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Dan jikkorrispondi tajjeb ma’ eżerċizzju li għamlet il-gazzetta ILLUM fost kampjun ta’ 20 ħanut fl-akbar żona kummerċjali fin-nofsinhar ta’ Malta, jiġifieri f’Raħal Ġdid. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta, qalu li l-bejgħ la kien tajjeb u lanqas kien ħażin, u fl-istess livelli tas-sena ta’ qabel. Dan jaqbel sew ma’ stħarriġ simili li kienet għamlet din il-gazzetta lura fl-20 ta’ Diċembru tal-2015 meta l-maġġoranza tal-ħwienet fil-Belt Valletta kienu qalu li s-sentiment kien l-istess bħal tas-sena ta’ qabel.

Minn stħarriġ li għamlet l-ILLUM fost diversi ħwienet tal-ħwejjeġ u taż-żraben fl-ikbar żona kummerċjali fin-nofsinhar ta’ Malta, jiġifieri Raħal il-Ġdid, irriżulta li l-bejgħ din is-sena kien wieħed li la jista’ jiġi meqjus bħala tajjeb, u lanqas bħala ħażin.

Fil-fatt, minn kampjun ta’ 20 ħanut li aċċettaw li jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju tal-ILLUM, il-maġġoranza assoluta tagħhom sostnew li matul l-istaġun tal-Milied, jiġifieri bejn wieħed u ieħor tul ix-xahar ta’ Diċembru, il-bejgħ tagħhom kien, ‘mhux ħażin’.

Meta s-sidien jew impjegati tal-ħwienet ġew mistoqsija kif iqabblu l-bejgħ tal-istaġun tal-Milied li għadu kif intemm, ma’ dak tas-sena ta’ qabel, ħafna qalu li kien bejn wieħed u ieħor l-istess.

Minkejja dan, kien hemm numru ugwali ta’ sidien u impjegati ta’ ħwienet li esperjenzaw staġun ta’ bejgħ iktar pożittiv, jew negattiv. Dawk li raw tnaqqis fil-bejgħ, qalu lill-ILLUM li dan it-tnaqqis kien wieħed minimu.

Għad li l-ħwienet jinsabu kważi kollha qrib xulxin, prattikament f’żewġ toroq prinċipali, kien hemm oħrajn li fil-kummenti tagħhom qalu li dan l-istaġun, għalihom kien wieħed pjuttost pożittiv, u saħansitra raw li kien irreġistrat titjib, meta jqabblu l-andament ta’ dan l-istaġun, ma’ dak tas-sena ta’ qabel.

F’diversi kummenti li għaddew, impjegati jew sidien tal-istess ħwienet, dawn qalu kif is-sales u l-iskonti li huma magħrufa għalihom dawn iż-żminijiet ta’ wara l-festi, ma tantx jagħmlu differenza fil-bejgħ. Dan minħabba li “dawk li jkunu jridu jixtru xi ħaġa, mhux se joqogħdu jistennew li jaslu s-sales, iżda jagħmlu dan qabel,” kif sostniet impjegata partikolari f’ħanut tal-ħwejjeġ.

Kien hemm ukoll opinjonijiet konstrastanti dwar l-andament tal-bejgħ fiż-żona kummerċjali ta’ Raħal Ġdid, b’uħud jgħidu li kienet il-lokalità kollha li esperjenzat staġun pjuttost negattiv.

F’ħanut taż-żraben partikolari li deher li esperjenza tnaqqis mis-sena ta’ qabel, intqal lill-ILLUM li li sostniet li rat tnaqqis mis-sena ta’ qabel, qalet kif temmen li dan it-tnaqqis inħass fil-lokalità kollha u mhux biss f’dak il-ħanut partikolari. Dan jikkuntrasta ma’ dak li qalet ħaddiema oħra, li sostniet li r-Raħal il-Ġdid bħala lokalità, kien mimli attività f’diversi ġranet matul Diċembru, għadd ta’ attivitajiet jiġu organizzati bħall-attività ta’ ‘Casal Paola’.

 

Minkejja li kampjun ta’ 20 ħanut mhuwiex wieħed kbir ħafna, u ma jitqiesx bħala wieħed xjentifiku, dan huwa rapreżentattiv, hekk kif jidher li dan is-sentiment huwa mifrux ma’ diversi ħwienet oħra, madwar Malta kollha, hekk kif ikkonfermat mill-GRTU. Fil-fatt, f’kuntatt li għamlet din il-gazzetta mal-kap eżekuttiv tal-GRTU, Abigail Psaila Mamo, intqal kif mill-istħarriġ li jsir mill-istess union fost il-ħwienet rigward il-bejgħ tagħhom, dak li jirriżulta minn din il-gazzetta, huwa viċin ferm. L-istħarriġ tal-union jistaqsi lill-ħwienet kollha madwar Malta dwar l-andament tal-bejgħ matul ix-xahar, u se jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin.

 

Dan kollu jidher l-istess għal dak li kienu rrispondew il-ħwienet tal-Belt Valletta, lura f’Diċembru tal-2015. Dakinhar, il-maġġoranza tal-ħwienet mistoqsija minn din il-gazzetta dwar il-bejgħ fl-istaġun, kienu qalu li ma rawx kambjament mis-sena ta’ qabel u l-andament la kien tajjeb u lanqas ħażin.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook