Għall-ewwel darba, 200,000 turist f'Malta fix-xahar t'Ottubru

Dan b'żieda ta' kważi 10% minn numru ta' turisti reġistrati fl-istess żmien sena ilu

Ix-xahar t’Ottubru ta’ din is-sena rreġistra għall-ewwel darba il-wasla ta’ aktar minn 200,000 turist.  Skont l-aħħar figuri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rajna li t-tkabbir fix-xahar t’Ottubru li għadda kien kważi ta’ 10% fuq dak reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra. L-infiq turistiku laħaq kważi €190 miljun f’dan l-istess xahar, jiġifieri 4.1% aktar minn Ottubru 2015.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ b’sodisfazzjoni dawn il-figuri fid-dawl tat-tkabbir li qed isir f’dan is-settur mhux grazzi biss għall-istaġun tradizzjonali turistiku tas-sajf imma l-aktar għaliex l-akbar żidiet li qed jirreġistra pajjiżna huwa propju f’dawk ix-xhur meqjusa bħala shoulder months u low season. “Bil-ħidma għaqlija u studjata ta’ dan il-Gvern flimkien mal-ħidma konġunta mal-istakeholders privati f’dan is-settur qed negħlbu l-isfida tal-istaġġjonalità,’’ tenna l-Ministru Dr Zammit Lewis. Il-lukandi u stabbilimenti tal-ikel m’għadhomx jagħlqu jew inaqqsu l-operat tagħhom fl-istaġun xitwi. Ħarsa lejn l-istaġuni meqjusa kajmana fit-turiżmu wieħed jista’ jara li s’issa tul din il-leġislatura fix-xhur ta’ bejn Jannar u Marzu kellna żieda medja ta’ 8.6% fl-ammont ta’ turisti li żaruna. Iż-żieda medja għax-xahar t’Ottubru tul din l-leġislatura huwa ta’ 9.4%.”

“Dawn huma akkwisti li jimlewna b’kuraġġ sabiex inħarsu ’l quddiem b’pożittività għall-aktar suċċess f’din l-industrija tat-turiżmu li indirettament hija ta’ sostenn dirett u indirett għal ammont ta’ setturi u industriji oħra importanti għal pajjiżna,” ikompli jispjega l-Ministru Zammit Lewis.   Fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena diġà kważi lħaqna ċ-ċifra rekord li rreġistrajna tul is-sena l-oħra sħiħa fl-ammont ta’ turisti li waslu f’pajjiżna.  Bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, l-infiq turistiku laħaq il-figura ta’ €1.54 biljuni, 3.3% aktar minn dak reġistrat fl-istess 10 xhur tas-sena 2015 u li ssarraf fi kważi €50 miljun aktar ta’ dħul dirett mit-turiżmu fl-ekonomija Maltija.

Interessanti li wieħed jinnota li bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena l-ammont ta’ turisti żdiedu b’aktar minn 445,000 fuq dak reġistrat fl-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern preċedenti, filwaqt li l-infiq turistiku kiber b’€338.1 miljun. Interessanti aktar il-fatt li tul din il-leġislatura  li fadalla aktar minn sena sabiex tispiċċa, fl-istess xhur imsemmija diġà waslu f’pajjiżna aktar minn 300,000 turist iżjed minn dak reġistrat bejn ix-xhur ta’ Jannar u Ottubru tal-leġislatura preċedenti.

Is-suċċess ta’ Malta fis-settur turistiku ma jitkejilx biss f’pajjiżna. Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Għaqda Dinija tat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda naraw li hekk kif bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena it-tkabbir medju fl-ammont ta’ turisti reġistrat fost it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropeja kien ta’ 4.1% u dak reġistrat fost il-pajjiżi kompetituri tagħna fil-Mediterran u n-Nofsinhar tal-Ewropa kien ta’ 0.4%, f’Malta kellna tkabbir ta’ 8.2% fl-istess xhur imsemmija.

L-istess UNWTO Barometer jirraporta li Malta qed tirreġistra riżultati b’saħħithom xprunati minn konnettività bl-ajru imtejba u element ta’ sigurtà u serħan il-moħħ li joffri pajjiżna.

Għaldaqstant il-Gvern huwa kommess u impenjat li jelimina darba għal dejjem l-isfida tal-istaġġjonalità partikolarment bit-tisħiħ tal-konnetività. “Irnexxielna tul din il-leġislatura li nagħmlu lil pajjiżna l-inqas destinazzjoni turistika fil-Mediterran li hija affetwat mill-istaġġjonalità turistika. Nemmen li l-konnettività hija ċavetta importanti sabiex it-turiżmu f’pajjiżna jkompli jikber b’mod sostenibbli, jiġifieri fix-xhur xitwin fejn hemm potenżjal qawwi li mhux biss li jikber fl-ammonti imma wkoll jattira aktar turiżmu ta’ kwalità b’opportunità ikbar li t-turist jiġi offrut prodott divers, professjonali u naturalment ta’ kwalità għolja kif jistħoqq lil kull minn iżur lil pajjiżna. B’hekk nistgħu nassiguraw li l-industrija tat-turiżmu tibqa’ tkun il-mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija u tibqa toffri s-sostenn għall-aktar ġid u ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.

More in Socjali