€70,000 lill-Kunsilli Lokali biex jixtru kotba jew itejbu l-faċilitajiet tal-libreriji

€15,000 speċifikament immirati sabiex jiġu inidirzzati l-persuni illitterati

Il-fondi li jiġu allokati lill-kunsilli lokali b’rabta ma’ investimenti fil-libreriji lokali se jiżdiedu, anke bil-għan li jiġu ffinanzjati inizjattivi speċifiċi li għandhom l-għan li jiġġieldu l-illitteriżmu fil-komunitajiet.

Waqt li ħabbar skema oħra ġdida ta’ fondi għal-libreriji lokali, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbar il-ħsieb tiegħu li jżid mira oħra soċjali fil-miżura li tgħin lill-kunsilli jqajmu għarfien akbar għall-qari fost ir-residenti tal-lokalitajiet tagħhom.

Fil-fatt, il-Gvern se joħroġ €70,000 għal din l-inizjattiva mmirata li tilħaq 39 kunsill, b’nofs l-investiment jiġi mill-istess kunsilli, bil-għan li dawn jintrabtu li jixtru kotba jew itejbu l-faċilitajiet fil-libreriji rispettivi. Minn dawn, madwar €15,000 se jkunu allokati speċifikament lil inizjattivi li jittieħdu minn kunsilli waħedhom, jew flimkien, biex jedukaw lil persuni illitterati.

“Qatt ħsibna fuq min ma jafx jaqra? Dawk li nżidu, kemm inżidu, kotba għalihom dan is-servizz pubbliku mhux aċċessibbli. Skont iċ-Ċensiment f’pajjiżna hawn mat-3,000 persuna, ta’ etajiet bejn l-għaxra u d-39 sena, li ma jafux la jaqraw u lanqas jiktbu. Dawn huma parti mill-komunità tagħna li mis-sistema edukattiva ma ħadux l-aħjar. Il-pjaga tal-illitteriżmu f’pajjiżna, sfortunatament, għadha teżisti u għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex nindirizzaw in-nuqqasijiet li writna fis-sistema edukattiva,” tenna s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo fl-indirizz tiegħu dalgħodu fi Ġnien is-Serenità, f’Santa Luċija.

“Nixtieq li niġbdu ħabel wieħed biex flimkien nikkumbattu l-illitteriżmu. Irridu kunsilli li joħorġu b’ideat innovattivi ta’ kif huma jistgħu jgħinu ż-żgħażagħ u l-adulti f’dan ir-rigward. Pajjiżna għandu l-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Illitteriżmu, politika li trid tinżel għal-livell lokali. U propju hawn fejn din l-inizjattiva l-ġdida tagħna se tkun differenti. Qed inħabbru l-ewwel mira soċjali fejn nixtiequ lill-kunsilli jidħlu f’kollaborazzjoni ħalli flimkien ikunu parti mis-soluzzjoni kontra l-illitteriżmu,” kompla jgħid is-Segretarju ParlamentariBuontempo.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li, għalkemm mhu se jimponi xejn fuq ħadd, l-inizjattivi jridu jkunu konformi mal-politika nazzjonali biex igawdu mill-finanzjament. Għaldaqstant qal li fil-jiem li ġejjin, il-kunsilli kollha se jirċievu informazzjoni kif  se jkunu jistgħu jibgħatu proposti imħejja f’dan il-qafas.

“L-ekonomija moderna tirrikjedi li naqdu r-riżorsi tagħna biex, permezz ta’ kollaborazzjoni akbar bejnietna, jirnexxielna nagħmlu aktar u aħjar. Nemmen li l-libreriji lokali u reġjonali għandhom ikunu mezz ta’ kif ngħaqqdu l-komunitajiet flimkien, mezz ta’ kif inżommu l-identità tal-lokalità, mezz ta’ inklużjoni soċjali u tagħlim matul il-ħajja. Fuq kollox, mezz kif is-soċjetà taħseb f’kulħadd u ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.

More in Socjali