Produzzjoni tar-RAI tinġibed f'Malta

Xeni minn produzzjoni Taljana tar-RAI ġew miġbudin hawn Malta fil-ġimgħat li għaddew

It-Tankijiet tal-Film Studios ta' Malta użati għal ġbid ta' xeni minn produzzjoni tar-RAI
It-Tankijiet tal-Film Studios ta' Malta użati għal ġbid ta' xeni minn produzzjoni tar-RAI

Wara xhur twal ta' kwiet, il-Film Studios fil-Kalkara reġgħu raw ħafna attività hekk kif serje televiżiva Taljan, bi produzzjoni tar-RAI, u li fiha jieħu sehem l-attur popolari Taljan, Beppe Fiorello, użaw il-faċilitajiet tal-istudjos ta' Malta.

Infatti, il-faċilitajiet għadhom kif intużaw biex jinġibdu xeni ta' maltempata għall-produzzjoni li se jkun jisimha “Chiedilo al Mare”, 'Saqsi lill-baħar'.

Wara diskussjonijiet mal-Malta Film Commision, il-kumpanija tal-produzzjoni Taljana Picomedia, għażlet lil Malta biex tiġbed numru ta' xeni minn din is-serje, maqsuma fuq żewġ partijiet, li se tintwera fi Frar li ġej fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan RAI.

Minbarra xeni miġbudin fit-tankijiet, inġibdu wkoll xi xeni fil-Marsa u fil-Belt Valletta.

F'numru ta' filmati u kummenti fuq Twitter, Facebook u Instagram li mposta l-attur Beppe Fiorello, huwa wera biċ-ċar l-entużjażmu tiegħu dwar il-ħidma tiegħu f'Malta.

More in Socjali