Tliet vetturi tat-tifi tan-nar ġodda għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

17-il membru tad-Dipartiment jingħataw ħatra ġdida

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssaħħaħ bi tliet vetturi ġodda tat-tifi tan-nar u salvataġġ  b’investiment ta’ €360,000 minn fondi lokali. Vetturi li joffru l-benefiċċju li jidħlu fit-toroq rurali u tal-kampanja, li jistgħu jinstaqu fuq kwalunkwe tip ta’ art.

Fl-istess ċerimonja nħatru wkoll żewġ deputati diretturi, tmien station officers u seba’ leading and assistance officers, magħżula wara proċess ta’ intervisti.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela tkellem fuq il-modernizzar tad-Dipartiment permezz ta’ apparat u tagħmir ġdid wara nuqqas ta’ madwar tmintax-il sena. Dan flimkien ma’ investiment fir-riżors uman u pjani għal stazzjonijiet tat-tifi tan-nar u kwartieri ġodda.

Huwa semma li r-ristrutturar fit-tqassim tar-riżorsi umani tad-Dipartiment huwa pass ‘il quddiem għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ xogħol aktar effettiv, partikolarment fid-dawl tar-responsabbiltajiet ġodda li ngħataw lid-Dipartiment.

Preżentament il-Ministeru għall-Intern għaddej b’diskussjonijiet interni fuq it-tfassil tal-leġiżlazzjoni sabiex id-Dipartiment flimkien mas-sezzjoni ta’ għajnuna u salvataġġ ikollu żewġ taqsimiet oħra, tal-fire safety u s-sigurtà f’attivitajiet tal-massa.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll fuq il-bidla tal-flotta tal-vetturi u qal li bix-xiri tal-vetturi d-Dipartiment għandu total ta’ sittin vettura tat-tifi tan-nar u salvataġġ li l-maġġoranza tagħhom qegħdin fil-proċess li jinbidlu.

Fuq pjan ta’ madwar sitt snin b’investiment ta’ aktar minn tmien miljun ewro minn fondi lokali, il-flotta kollha tal-vetturi diġà bdiet tinbidel biex tlaħħaq mad-domanda, il-ħtiġijiet u r-realtajiet preżenti. Fi tliet snin, il-valur tal-vetturi mibdula jammonta għal aktar minn żewġ miljuni.

Huwa u jitkellem fuq il-ħidma impenjattiva tal-membri tad-dipartiment innota li fis-sena 2015 dawn assistew f’madwar 5,000 sejħa. Din is-sena assistew madwar 2,500 sejħa inklużi inċidenti tat-traffiku, nirien fid-djar u tfittxija ta’ persuni mitlufa.

Il-Ministru għall-Intern temm jgħid li l-apprezzament għal din il-ħidma imprezzabbli qed tingħata bil-fatti, tant li qed isir titjib fil-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Fakkar li fl-aħħar tliet snin ġew ingaġġati sittin pumpier, laħqu erba’managers u tnax-il leading assistance and rescue officer.

Fi tmiem iċ-ċerimonja l-Kappillan tas-CPD Rev. Fr Silvio Bezzina bierek il-vetturi l-ġodda u bħala tradizzjoni l-fire-engine l-antika tefgħet l-ilma fuq il-ġodda.

More in Socjali