Il-President ma taqbilx mal-proposta ta' Mintoff

Coleiro Preca ma temminx li għandhom jiġu kkontrollati l-prezzijiet ta' kera privata

Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li ma taqbilx mal-proposta li kienet għamlet Yana Mintoff, u ġiet żvelata fuq il-gazzetta ILLUM nhar il-29 ta' Mejju, fejn proponiet li għandha tiddaħħal sistema ta' kontrolli fuq kemm tkun tista' tgħola l-kera, f'lokalitajiet partikolari. 

Dan qalitu f'laqgħa li kellha mal-Forum Komunità Bormliża li għal bosta drabi ġew kwotati l-artikli li dehru fil-gazzetta ILLUM dwar il-problema tal-prezzijiet tal-kera.

Minkejja li l-proposta ta' Mintoff lanqas ma ntlaqgħet mill-Prim Ministru wara laqgħa li kellu magħha, tali sistema diġà tinsab taħdem fi bliet madwar id-dinja fosthom Berlin u Pariġi. L-Alleanza kontra l-Faqar ukoll kienet qablet ma' din il-proposta.

Wara li l-gazzetta ILLUM kienet ħarġet b'din l-istorja, fil-pajjiż qamet diskussjoni dwar din it-tema u l-problemi li qed jiffaċċjaw persuni li qed jgħixu f'post mikri. Fil-fatt, tressqu quddiem il-Kabinett proposti għall-baġit li jmiss rigward miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex tkun inqas diffiċli li persuni li jgħixu f'post tal-kera, ilaħħqu mal-ħajja.

Fil-laqgħa li saret fil-Kottonera, Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li tinħoloq xi tip ta' politika nazzjonali dwar il-housing sabiex jiġu salvagwardjati komunitajiet madwar il-pajjiż, u b'hekk jiġi żgurat li dawk li qegħdin fir-riskju tal-faqar ma jiġux abbandunati f'suq iktar diffiċli.

"Huwa bżonnjuż li diversi lokalitajiet jitkellmu dwar il-kwistjoni u jagħtu sostenn lil xulxin, billi jkomplu jisħqu għal politika dwar il-housing soċjali," kompliet tgħid filwaqt li ssostniet li mhix għażla vijabbli li tikkontrolla l-prezzijiet tal-kera privata.

Kompliet tgħid li tali politika għandha tinkludi sussidji għal min għandu dħul baxx, u saħqet li għandu jkun hemm sforz kollettiv sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, waqt li qalet li jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata kapaċi nispiċċaw f'sitwazzjoni ta' numri kbar ta' nies mingħajr saqaf.

More in Socjali