iRecycle – inċentiv biex iktar nies jirriċiklaw

Imniedi proġett pilota bejn Green MT u l-Kunsill Lokali tal-Iklin

iRecycle, proġett ġdid bejn Green MT u l-Kunsill Lokali tal-Iklin biex jinċentivaw ir-riċiklaġġ
iRecycle, proġett ġdid bejn Green MT u l-Kunsill Lokali tal-Iklin biex jinċentivaw ir-riċiklaġġ

Il-Kumpanija Green Mt  flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Ilkin bdew proġett pilota li għandu l-għan jinċentiva n-nies jirriċklaw u fl-istess ħin tinġabar iktar informazzjoni dwar min huma l-familji u r-residenti li qed jipparteċipaw fl-isforz nazzjonali biex jiżdied l-iskart għar-riċiklaġġ u jonqos l-iskart li jispiċċa fil-landfill tal-Għallis.

Il-proġett pilota ‘iRecycle’ beda fit-19 ta’ Lulju u se jdum 40 ġimgħa. Waqt dan il-proġett, ir-residenti mill-Iklin li l-aktar li jirriċiklaw u jipparteċipaw fil-progett se jirbħu diversi premijiet. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Green MT, is-Sur Joe Attard qal li dan qed isir għaliex la darba l-liġi ma tagħmilix tassattiva li r-residenti jirriċiklaw, Green MT qed tfittex miżuri effettivi oħra kif ikompli jiżdied l-ammont tal-iskart għar-riċiklaġġ u jonqos dak fil-borża s-sewda. 

Il-proġett pilota iRecycle se jaħdem hekk: Ir-residenti ingħataw numru ta’ boroż griżi bla ħlas flimkien ma’ tabelli bil barcode biex ikunu jistgħu jagħlqu l-borża l-griża bihom meta joħorġuha f’jum il-ġabra. Bis-saħħa tat-tabelli li r-residenti ffirmaw għalihom, Green MT flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Iklin se jkunu jafu liema djar qed jipparteċipaw u kemm qed jirriċiklaw.  

Id-Direttur ta’ Green MT u kordinatur tal-proġett pilota is-Sur Marcel Mizzi qal li meta t-trakk taż-żibel jiġbor il-borża l-griża bieb bieb, huwa se jaqta’ parti mit-tabella biex il-barcode jasal għand il-Kunsill Lokali. Bis-saħħa ta’ leaderboard online, Green MT se tara fuq medda ta’ 40 ġimgħa liema huma d-djar u t-toroq l-aktar li jirriċiklaw fil-lokalita’ tal-Iklin. Min jirriċikla l-iktar fuq medda ta’ 40 ġimgħa se jirbaħ numru ta’ premijiet maqbula mal-Kunsill Lokali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Green MT, is-Sur Joe Attard kompla jgħid li permess tal-eco councillors tagħha, Green MT se tkompli tfittex u tgħallem lil dawk ir-residenti li għal xi raġuni jew oħra ma ġabrux jew ma ħarġux il-borża l-griza. Kompla jgħid li din hi l-ewwel darba li qed isir proġett pilota ta’ dan it-tip u l-Iskema se tkompli tagħmel l-almu tagħha biex apparti li jiżdied ir-riċiklaġġ, ikun hawn iktar informazzjoni li twassal biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri Nazzjonali fl-immaniġġjar tal-Iskart. Is-Sur Attard qal li l-ħsieb hu li dan il-proġett pilota jkun jista’ jinfirex f’postijiet oħra f’Malta u Għawdex bl-istess għanijiet.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Stefan Bountempo faħħar l-inizjattiva ta' Green MT, li fi kliemu hija “innovattiva għax bis-saħħa tagħha se tibda tinġabar riċerka bżonnjuża li se tgħin lill-leġizlatur jieħu id-deċizjonijiet iktar informati. L-Onor. Bountempo qal li l-għan tal-Gvern hu li l-iskart isir iktar riżorsa. Heġġeġ lir-residenti jikkoperaw iktar biex jikber l-ammont ta' skart separat għar-riċiklaġġ u jonqos l-iskart fil-borza s-sewda li tispiċċa fil-landfill.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima Jose’ Herrera qal li hemm bżonn sforz ħafna ikbar minn kulħadd biex Malta tilħaq il-miri dwar ir-riċiklaġġ. Herrera qal li jemmen li b'mod volontarju u b'inizzjattivi bħal ta’ Green MT se jintleħqu l-miri. Herrera qal li l-inizzjattiva ta' Green MT għandha tkun fuq bażi Nazzjonali u iktar nies jiġu premjati tas-sehem tagħhom fl-inizjattivi ambjentali.

Is-Sindku tal-Iklin is-Sur Anthony Dalli qal li l-lokalità minn dejjem kellha persentaġġ tajjeb ta’ residenti li jippartecipaw fis-separazzjoni tal-iskart. Ħeġġeġ biex dawk li għadhom ma ġabrux il-boroż griżi, jistgħu jagħmlu dan mill-Kunsill Lokali. 

Iktar informazzjoni dwar iRecycle hija aċċessibbli fuq is-sit elettroniku - www.irecycle.greenmt.org

More in Socjali