La m’hemmx Maltin biżżejjed... ħaddem lill-barranin

40% kellhom jimpjegaw barranin għax ma sabux Maltin kwalifikati jew li jridu jagħmlu x-xogħol

Il-komunikazzjoni u l-attitudni importanti għal min iħaddem
Il-komunikazzjoni u l-attitudni importanti għal min iħaddem

“Sewwa, jiġu Malta u jeħdulna xogħolna dal-barranin. Mhux sew dan.” M’hemmx dubju li din il-frażi ma smajtuhiex darba biss u l-akkuża, mhux biss f’Malta imma anke fir-Renju Unit sa ftit ġimgħat ilu, meta kienet għaddejja l-kampanja referendarja dwar il-futur tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea, hija waħda komuni. Tqajjem ħafna emozzjoni u ħafna nazzjonaliżmu, imma lil hinn mill-paroli u lil hinn mill-ħafna ‘charity begins at home’ u ‘ħobż Malta, jieklu l-Malti’, kemm verament qed ikun il-barrani li jieħu xogħol il-Malti? Min iħaddem għalfejn qed jimpjega barrani, mhux Malti? 

Ċifri ppubblikati fl-‘Istħarriġ Nazzjonali għall-Ħiliet tal-Ħaddiema’ li sar b’kollaborazzjoni bejn Jobsplus, Malta Enterprise u l-Kummisjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) juri li fil-fatt huwa vera li hemm element qawwi ta’ barranin li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna. Imma dan jista’ jkun li mhux dejjem qed iseħħ a skapitu ta’ xi ħadd. 

48% impjegaw ħaddiema barranin...40% impjegaw gradwati

Fil-fatt, minn dawk in-negozji kollha li aċċettaw li jipparteċipaw f’din ir-riċerka, jirriżulta li fl-aħħar tliet snin, 48% tal-kumpaniji Maltin impjegaw ħaddiema barranin, meta mqabbel mal-40% li fl-aħħar tliet snin impjegaw persuna li kienet għadha ħierġa mill-Università lokali jew istituzzjoni għolja bħall-MCAST u l-ITS.  

Iktar minn nofs, jew 56% ta’ dawk il-kumpaniji li jħaddmu bejn 10 u 49 ħaddiem, impjegaw ħaddiema barranin fl-aħħar tliet snin, bil-persentaġġ jiżdied għal 61% għal dawk li jħaddmu bejn 50 u 249 ħaddiem. Dan jonqos fil-kumpaniji żgħar u medji li jħaddmu iktar minn 250 persuna u dawk li jħaddmu bejn żewġ u disa’ ħaddiema. 

Min-naħa l-oħra, fl-aħħar tliet snin, l-aktar grupp ta’ kumpaniji li impjegaw gradwati huma dawk li għandhom bejn 50 u 249 ħaddiem. Hawnhekk, 74% impjegaw persuna li għadha ħierġa minn istituzzjoni terzjarja jew għolja, b’kuntrast ma’ 32% biss tal-iżgħar tip ta’ negozji li ħaddmu persuni li għadhom kif gradwaw.

Qed jimlew il-vojt...imma b’inqas kwalifiċi

Minkejja dan, l-istess ċifri juru li l-livell ta’ edukazzjoni tal-gradwati, kien konsistentement ogħla minn dawk tal-barranin li kienu qed jiġu impjegati. 

L-akbar differenza hija fost dawk li ġew impjegati f’kumpaniji li jħaddmu bejn 50 u 249 ħaddiem. Hawnhekk, dawk il-gradwati li kienu impjegati u li kellhom livell universitarju ta’ edukazzjoni, kien jaqbeż is-70%, filwaqt li l-barranin bl-istess kwalifiċi kienu inqas minn 60%. Din ix-xejra tirrepeti ruħha f’kull grupp ta’ kumpaniji li pparteċipaw fir-riċerka. 

Dan jista’ jindika li fil-fatt, mhumiex ħaddiema barranin li “qed jieħdu xogħol il-Maltin,” imma li s-swieq ekonomiċi kibru ħafna iktar milli kiber l-ammont ta’ ħaddiema Maltin disponibbli. Fil-fatt, kważi 40% ta’ dawk il-kumpaniji li pparteċipaw qalu li ma kellhom ebda għażla ħlief li jimpjegaw barranin, fid-dawl ta’ nuqqas ta’ nies biex jimlew il-postijiet tax-xogħol vakanti. Kienu inqas minn 25% dawk li qalu li jew jirriklamaw jew inkella jżidu l-pagi tal-ħaddiema preżenti biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ impjegati.  

Domanda qawwija għall-impjiegi klerikali u fil-bejgħ

Ftit inqas minn erba’ impjiegi minn kull għaxra, jeħtieġ li jimtlew fil-qasam tal-impjiegi klerikali. Fil-fatt, ir-riċerka turi li 22.2% tax-xogħlijiet li għadhom mhux qed jimtlew b’faċilità, huma f’dan is-settur. Jista’ jkun li hawnhekk, it-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna qed iwassal għal tkabbir fid-domanda għal impjiegi f’dan is-settur, liema domanda mhux qed tintlaħaq jew minħabba nuqqas ta’ nies jew minħabba nuqqas ta’ kwalifiċi. 

Settur ieħor li fih hemm nuqqas ta’ ħaddiema u għalhekk bżonn imminenti ta’ aktar ħaddiema huwa fis-settur tas-servizzi u l-bejgħ. Hawnhekk għandek 15.3% tal-impjiegi kollha f’pajjiżna li mhux qed jimtlew malajr. Imma għalfejn mhux qed jimtlew dawn il-postijiet? X’jaħsbu dawk li qed iħaddmu? 

Nuqqas ta’ ħiliet...attitudni ħażina

Ċifri fl-istess riċerka juru li ħafna, kważi 60% minn dawk li jħaddmu, iħossu li hemm ftit wisq minn dawk li japplikaw li jkollhom il-ħiliet meħtieġa. Madwar 45% iħossu li hemm ukoll problema ta’ attitudni u personalità. Dwar din tal-aħħar, ir-rapport ma jispeċifikax eżatt x’inhi l-‘problema’, għalkemm din tista’ tinkludi nuqqas ta’ flessibilità u/jew problemi motivazzjonali. 

Apparti minn dan, il-kumpaniji li ħadu sehem f’din ir-riċerka jsemmu punti oħrajn dwar għalfejn qed isibuha difiċli li jimlew bosta postijiet tax-xogħol, fosthom nuqqas ta’ interess fl-impjieg (madwar 37%) u nuqqas ta’ nies li japplikaw għax-xogħol (madwar 38%). 

56% tal-kumpaniji li jħaddmu bejn 10 u 49 ħaddiem impjegaw barranin fl-aħħar tliet snin
56% tal-kumpaniji li jħaddmu bejn 10 u 49 ħaddiem impjegaw barranin fl-aħħar tliet snin

Ma tafx tuża l-kompjuter? Insa!

Naturalment, hemm bosta fatturi li jagħmluha dejjem aktar diffiċli li persuna ssib ix-xogħol. Fil-fatt, apparti l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ Maltin għax-xogħol, jew inkella nuqqas ta’ interess f’dak it-tip ta’ xogħol, hemm fattur ieħor kruċjali li jiddetermina min isib impjieg jew le. 

L-aktar raġuni li għaliha persuna ma ssibx impjieg hija minħabba nuqqas ta’ ħiliet fil-kitba, segwita minn nuqqas ta’ ħiliet fl-użu tat-teknoloġija. Jiġifieri llum il-ġurnata, jekk ma tafx tagħmel użu bażiku minn programmi tal-kompjuter, il-probabbiltà hija li ma ssibx impjieg. Hemm fatturi oħrajn li bosta qed ifittxu qabel jimpjegawk, fosthom il-ħila li tkun parti u taħdem ma’ tim ta’ nies, l-abbiltà li titkellem bl-Ingliż, li kapaċi tikkomunika tajjeb, li kapaċi tagħmel iktar minn ħaġa waħda fl-istess ħin (multi-tasking) u li tkun tkun kapaċi taqdi klijenti. Naturalment dan kollu, ikompli juri r-rapport, qed jitfa’ piż akbar fuq dawk in-nies li diġà jaħdmu fuq il-post tax-xogħol u li qed ikollhom jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddiema. 

Biex issib impjieg, l-aktar tliet fatturi importanti li ħafna minn dawk il-kumpaniji li jħaddmu f’pajjiżna jħarsu lejhom, huma l-għarfien tal-lingwa Ingliża, li kapaċi taħdem f’tim u l-komunikazzjoni.

Smajt? Dak qed idaħħal in-nies....

Aspett ieħor tar-rapport huwa dak fejn dawk li pparteċipaw kienu mistoqsijin kif kienu qed jirreklamaw l-impjiegi li kellhom bżonn. Jidher li l-aktar forma ta’ riklamar popolari huwa dak li jiġi mingħajr ebda forma ta’ spiża: il-kelma. 

21% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li huma jimlew il-postijiet tax-xogħol billi jxerrdu l-kelma. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) tibqa’ wkoll fost il-favoriti ma’ 20% ta’ dawk li pparteċipaw, kif jibqgħu popolari s-siti soċjali bħal Facebook, Twitter u Linkedin. 

Il-gazzetti u mezzi aktar konvenzjonali jibqgħu popolari għalkemm inqas minn dawk imsemmijin diġà. B’kollox, kienu 15% li għamlu użu minn dan il-mezz biex jimlew il-postijiet tax-xogħol, filwaqt li 14.3% jagħmlu sejħa interna u 8.6% jużaw aġenziji tar-reklutaġġ. 

More in Socjali