Il-MAM thedded b'azzjonijiet industrijali

Jilmentaw li s-sitwazzjoni fiċ-ċentri tas-saħħa iddeterjorat

Il-Medical Association of Malta (MAM) ħabbret li tinsab f'tilwima industijali hekk kif qed tisħaq li s-sitwazzjoni fiċ-ċentri tas-saħħa ddeterjorat. L-għaqda spjegat kif is-sitwazzjoni ta' diżorganizzazzjoni wasslet biex ikun hemm problemi fit-teħid tal-leave tat-tobba, ħinijiet ta' stennija twal għall-pazjenti, u tobba żgħażagħ li qed jitilqu.

Għaldaqstant, il-MAM ħabbret tilwima industrijali, li jekk ma twassal għall-ebda soluzzjoni, se jkollha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali effetttivi.

Il-Kunsill tal-MAM semma kif fost l-oħrajn, tobba fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta ma jistgħux jieħdu l-leave tagħhom, bil-konsegwenza li jispiċċaw jitilfuh, minħabba "sistema diżorganizzata tal-leave."

Semmiet ukoll kif fost l-oħrajn, tobba li għadhom ġodda, qed jiġu afdati fuq xogħlijiet kumplikati u kumplessi, u dan filwaqt li qed jingħad li t-tobba għandhom faċilitajiet inadegwati.

Fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana, il-MAM saħqet li bir-rilokazzjoni tal-kamra ta' stennija, hemm "problemi bil-folla, fejn pazjenti fil-kamra ta' stennija mingħajr superviżjoni, qed ifixklu l-ħidma tat-tobba u jidħlu fi ġlidiet."

More in Socjali