L-unika soluzzjoni biex innaqqsu t-traffiku

Jack Schiavone, sid ta' ħanut tar-roti u ċiklist jitkellem mal-ILLUM dwar iż-żieda fil-bejgħ tar-roti f'Malta

Jack Schiavone fil-ħanut tiegħu f’ San Ġwann
Jack Schiavone fil-ħanut tiegħu f’ San Ġwann

“Qed naraw żieda sostanzjali fil-bejgħ ta’ roti.” Din kienet l-opinjoni ta’ Jack Schiavone, li għal dawn l-aħħar 10 snin ilu sid ta’ ħanut ewlieni tar-roti f’San Ġwann, u hu stess huwa ċiklista.

“In-numru ta’ roti li qed jinxtraw kemm mill-Maltin u kif ukoll mill-barranin żdied ma’ nies li qed jagħżlu li jużaw ir-roti biex imorru x-xogħol u jagħmlu vjaġġi qosra,” qal Schiavone. “Dawn qed isibuhom ideali biex jivjaġġaw bihom fil-ħinijiet l-aktar biżlin biex jevitaw it-traffiku kbir li għandna fit-toroq,” kompla jgħid sid il-ħanut.

Schiavone qal li fis-suq hemm diversi mudelli ta’ roti li huma addattati għal użu differenti – dawk li huma addattati għall-eżerċizzju u sports, filwaqt li oħrajn huma aktar addattati għal użu ta’ kuljum. “Il-prezzijiet ivarjaw ħafna,” kompla jgħid Schiavone li fil-ħanut tiegħu ir-roti manwali jibdew minn madwar €200, filwaqt li dawk li għandhom mutur elettriku jibdew minn xi €1,000. 

Paul Magri li huwa sid ta’ ħanut ieħor tar-roti fil-Mosta, ukoll sostna li qed jara żieda fil-qligħ imma qal li dan aktar ġej minn valur għola ta’ bejgħ milli mill-kwantitajiet ta’ roti li qed ibigħ. Magri qal li fil-passat, in-nies kienu jixtru roti lit-tfal għal għeluq sninhom u l-praċetti filwaqt li llum, dawn qed jixtrulhom mobile phones u tablets. “Filwaqt li l-bejgħ ta’ roti f’dan is-settur intilef, kien hemm żieda ta’ bejgħ fis-sezzjoni ta’ dawk ta’ bejn l-40 u 60 sena li saru aktar konxji ta’ saħħithom u qed jużawhom għall-eżerċizzju,” saħaq Magri, u “minħabba f’hekk, il-valur żdied għax dan is-settur jiflaħ li jonfoq aktar u jixtru roti li jiswew aktar flus.” Hu qal li jattribwixxi din iż-żieda fil-bejgħ għall-iskemi li għamel il-Gvern aktar milli minħabba s-sitwazzjoni tat-traffiku u dik fit-trasport pubbliku. Fil-baġit li għadda, tħabbru numru ta’ miżuri li l-intenzjoni tagħhom hi li jnaqqsu l-użu tal-karozzi fit-toroq tagħna. Uħud minn dawn jikkonċernaw il-vetturi b’żewġ roti, kemm muturi kif ukoll roti.

Schiavone qal li ċ-ċiklisti għandhom bżonn jingħataw aktar rispett mis-sewwieqa tal-karozzi fit-toroq tagħna. Il-karreġġjati tar-roti huma importanti għal dawk li jużaw ir-roti għall-ivvjaġġar normali, iżda dawk iċ-ciklisti kompetittivi jeħtieġ li jużaw it-toroq u għalhekk ikun importanti li x-xufiera jagħtuhom l-ispazju neċessarju. 

L-użu tar-roti qed jiżdied mal-Ewropa kollha. Fil-fatt, bosta bliet fl-Ewropa, biex jevitaw il-konġestjonijiet tat-toroq qed itejbu l-infrastruttura għall-użu tar-roti biex iħajru aktar nies jużaw ir-roti minflok il-karrozzi għall-bżonnijiet tat-trasport tagħhom. 

 

Qed jikber it-turismu tar-roti wkoll

Din il-popolarità tar-roti fl-Ewropa qed tiġi sfruttata mis-settur turistiku lokali wkoll u gwida ta’ tours tar-roti qalilna li hemm skop ta’ espansjoni f’dan it-tip ta’ turismu. Dan qalilna li r-rotot ivarjaw skont kemm it-turisti jkunu jifilħu jaqdfu. Il-livell ta’ diffikultà ta’ rotot li jissuġġerilhom, jiddependi mill-abbiltà fiżika tagħhom. “Għandna temp li xorta jippermettilek li ddur bir-rota fix-xitwa. Malta u Għawdex huma isbaħ fix-xitwa, speċjalment minħabba l-ħdura fil-kampanja.”

“Iżda hemm bżonn ta’ aktar karreġġjati tar-roti, aktar aċċess u aktar sinjali fil-kampanja f’rotot iddisinjati għaċ-ċiklisti,” sostna l-gwida. Qal ukoll li, “jeħtieġ ukoll ikun hemm aktar riklami fuq il-midja speċjalment biex jedukaw lis-sewwieqa tal-karozzi dwar kif għandom iġibu ruħhom meta jaraw sewwieq ta’ rota. B’aktar għarfien jaf ikollna wisq aktar turismu tar-roti. Hu kkonferma li n-numru tad-dilettanti tar-roti żdied immens u kull nhar ta’ Ħadd wieħed jista’ jara mijiet ta ċiklisti jduru ma’ Malta kollha. “Hija ħaġa sabiħa,” qalilna, “li meta jiltaqgħu flimkien dawn iċ-ċiklisti dejjem  isellmu lil xulxin.”

“Hija forma ta’ kultura sabiħa,” kompla jgħid, “mhux daqstant sabiħa l-problema ta’ aċċessibiltà li jiffaċċjaw fil-kampanja, però, għax xi persuni jagħmlu l-kampanja tagħhom u mhux l-ewwel darba li ma jħallukx tgħaddi u tiġi kważi fl-idejn magħhom. Jagħmlu dawn is-sinjali ta’ RTO jew xi ktajjen, u ma jħallukx tgħaddi.” Il-gwida temm jgħid li, “naħseb li jeħtieġ ikun hemm deċiżjoni li l-ftit kampanja li għad fadal għandha titgawda minn kulhadd.”

More in Socjali